Il-gazzetti tal-Ħadd komplew juru l-qasma ġdida li qed tiddomina bħalissa fil-Partit Nazzjonalista.
F’artiklu fuq il-MaltaToday, bit-titlu “MPs give Grech no support to attempt new tack on cannabis law”, ħareġ biċ-ċar il-kaos sħiħ li kien hemm fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista tal-Ġimgħa, fejn Bernard Grech kellu jċedi għall-pressjoni ta’ dawk li qed imexxuh u joħroġ kontra l-liġi proposta li se tirregola l-użu responsabbli tal-kannabis.
Fl-ewwel sentenza, il-ġurnalist tal-MaltaToday mill-ewwel isemmi kif dik li kellha tkun diskussjoni dwar il-liġi tal-kannabis, spiċċat b’dibattitu jaħraq bejn Bernard Grech u d-Deputati Nazzjonalisti.
Il-gazzetta turi kif waqt il-grupp, Bernard Grech spiċċa jdur deputat, deputat biex jara x’inhi l-pożizzjoni tagħhom, u lanqas sab is-sapport ta’ sħabu li qalu li mhux se jappoġġjaw din ir-riforma.
Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista nfexx jitmasħan mad-Deputati tiegħu u akkużahom li d-deċiżjoni li ħadu se tirrifletti ħażin fis-surveys. Xi ħaġa li skont il-MaltaToday ġabet rabja fost id-Deputati Nazzjonalisti.
Għal dan, dlonk qam id-Deputat Mario Galea, li bir-ragħwa f’ħalqu qal lil Grech “Inti għandek il-wiċċ takkużana li aħna r-raġuni wara n-numri ħżiena fus-surveys?”, “Għaliex ma taċċettax il-fatt li aħna mxebbgħin bik meta qed tiġi quddiemna b’deċiżjoni diġà f’moħħok li lanqas biss tiddiskuti magħna?”
L-artiklu jgħid li Bernard Grech qam iwieġbu u qallu li jekk huwa imxebba, ma jersaqx aktar ’l hemm. Mario Galea reġa’ wieġbu u qallu li jekk għandu jitlaq xi ħadd, huwa hu għaliex ma ġiex elett mill-poplu.
Kien f’dan il-mument li kellhom iqumu deputati oħra biex jikkalmawhom.
Għal aktar minn darba fil-ġimgħat li għaddew, Bernard Grech kien skomdu jwieġeb dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-liġi tal-kannabis.
Fil-fatt, jumejn qabel ħareġ bil-pożizzjoni uffiċjali, Bernard Grech kien qal hekk.
Il-MaltaToday qalet li fid-diskussjoni qam jitkellem l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jivvota favur ir-riforma, xorta mhux se jieħu punti għaliex huwa Gvern Laburista li ressaq il-liġi ’l quddiem.
Jidher li d-deputati li huma favur din il-liġi, lanqas biss rifsu l-għatba tad-Dar Ċentrali biex jipparteċipaw fid-diskussjoni. Fost dawn il-MaltaToday issemmi lil Ryan Callus, Karl Gouder u Therese Comidini Cachia.
Min-naħa l-oħra, Claudette Buttigieg qalet li hi tivvota bħall-maġġoranza u sal-aħħar baqgħet bla pożizzjoni fuq din il-liġi.
Għall-Grupp Parlamentari kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, li baqa’ sieket u ma ħax sehem fid-diskussjoni.
Uffiċjal fil-Partit Nazzjonalista qal lill-gazzetta indipendenti li Grech kellu jieħu din il-materja quddiem l-eżekuttiv u din mhix l-ewwel darba li bħala kap qabeż strutturi differenti tal-Partit.
Intant fl-istess gazzetta rreaġixxa wkoll il-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan li kellu kliem iebes għat-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Balzan qal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qed iħaffer il-qabar tiegħu stess u qed ikomplu juri lill-poplu li m’għandux viżjoni għall-pajjiż.