Il-ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista donnu ma jrid jieqaf qatt.
Issa anki ġlied fuq l-isem u l-motto tal-partit li taħt Adrian Delia ilu tliet snin isemmi t-tiġdid iżda sa issa għadu ma mmaterjalizza xejn.
Dan hekk kif Louis Galea li tqabbad biex jagħmel ir-riformi għadu qed jitqabad u jipprova jikkonvinċi lill-ogħla uffiċjali tal-Partit f’tal-Pietà biex jibdel ismu u anki l-motto.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali sostnew kif matul il-jum kien hemm laqgħa taħraq tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, li fiha Louis Galea prova jikkonvinċi li l-partit ta’ Delia jbiddel ismu.
Anki l-Illum irrapporta li fil-jum tas-Sibt tressqet proposta dwar li l-isem tal-partit jiġi ‘Partit Popolari tal-Poplu’ iżda jidher li l-isem ma nbidilx għalissa wara diżgwid kbir, tant li l-Kap Adrian Delia kien kostrett jintervjeni biex ma jsirlux kollox suf.
Fil-fatt il-proposti ta’ bidliet fl-istatut ta’ Louis Galea sabu ħafna ħars bl-ikrah u spikka sentiment ta’ x’wħud li qalu li dan ma hu tiġdid xejn.
Fuq barra tad-Dar Ċentrali, l-esponenti Nazzjonalisti ukoll bdew jgħidu tagħhom, fosthom Dione Borg, ġurnalist veteran mal-midja Nazzjonalista u kandidat tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Dione Borg wera nuqqas kbir ta’ qbil mat-tibdil tal-isem u l-motto tal-partit.
“Il-Partit Nazzjonalista m’għandux għalxiex ibiddel ismu jew il-motto Religio et Patria”, saħaq Borg li huwa meqjusa wieħed mill-fazzjoni ta’ Delia, tant li kull nhar ta’ Ħadd huwa l-magħżul biex jintervista dejjem lil Kap.
Dione li għalaq il-kitba tiegħu fuq facebook, Partit Nazzjonalista… Religio et Patria, sab bosta kummenti ta’ favur jew kontra.
Uħud kitbulu; Changing make up u ieħor kitiblu u staqsih x’għamillek il-kap sieħbi?
Taħt il-kitba ta’ Dione Borg, spikka wkoll kumment ta’ persuna oħra li qalet, “Aħjar jinbidel il-kap tiegħu flok il-isem u l-motto. Dawk wirt ta’ missierijietna. Tmissuhomx.”
Fl-aħħar ġimgħat Delia kien qed juri li lest jilħaq xi kompromessi mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil bit-tama li din tagħtih xi ftit tan-nifs wara li fi Frar li għadda kienet għodha se terġa’ tipprova teqirdu bl-hekk imsejħa sbatax-il eroj.
F’dak ix-xahar, il-partit tal-maduma sofra bosta riżenji fosthom ta’ Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali, Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali u Robert Arrigo minn Viċi-Kap.
Dan tal-aħħar għamel u-turn wara li kiteb ittra ta’ riżenja mimlija botti diretti lejn il-fazzjoni ta’ Busuttil, li fi kliemu kien hemm deputati li kissru u farrku partit.