Xi mkien qrajt li l-kuntetizza tiddependi mill-kwalitajiet tal-ħsibijiet tagħna. Jekk naħsbu pożittiv se nħossuna pożittivi. Għall-kuntrarju jekk naħsbu negattiv, allura r-riżultat ikun li ngħixu ħajja miżera u bla sugu.
M’iniex beħsiebni nagħmilha ta’ psikologu għax inkun qed nilbes żarbun li ma jiġinix!
Iżda jekk wieħed isegwi ftit ix-xena politika f’pajjiżna, issib ħafna li fuq il-midja soċjali jew fil-Parlament ipinġu dejjem stampa sewda għall-pajjiż,
Riedu lockdown għax il-pajjiż kollu kien se jimrad. Mingħajr ma jiddikjarawha apertament, kważi jieħdu gost li n-numru ta’ każi ġodda bil-Coronavirus jiżdiedu minflok jonqsu. L-għajnuna li l-Gvern ta lill-ħaddiema sabiex ma jitkeċċewx mix-xogħol fl-aqwa tal-pandemija, ilaqqmuha bħala daħk fil-wiċċ. Jekk il-Gvern jirrilaxxa xi miżuri, jgħidulek li qed ngħaġġlu żżejjed. Jibkulek għax in-nies mhix tixtri minkejja li issa ħafna mill-ħwienet miftuħin. Waqt li l-Gvern u l-pajjiż jifirħu għax l-agħar tal-pandemija għadda bis-sagrifiċċji ta’ ħafna, jaraw li jiggrangfaw ma’ xi kelma barra mill-kuntest sabiex jagħmlu storja biha. Issa li tħabbar li l-ajurport se jiftaħ, igergru għax il-Gvern ma fetaħx biżżejjed u hemm pajjiżi jew reġjuni li ma nistgħux inżuru. Għax irridu mmorru lejn ix-xogħol x’uħud iġibulek l-iskużi sabiex jibqgħu d-dar għax ovvjament iċ-ċekk li tirċievi mingħajr ma tagħmel xejn huwa komdu u lussu fl-istess ħin.
U l-gdiedem u l-kummenti negattivi jimlew il-portals lokali u jħallu dik it-togħma morra ta’ larinġa mħassra.
Filwaqt li l-psikoloġi jgħidulna sabiex inżommu ‘l bogħod minn min huwa negattiv f’ħajtu, jiena nara raġġ ta’ tama fil-messaġġi li jħobbu jibagħtu l-uccelli del malaugurio li għandna ma’ saqajna.
L-argument ta’ dawn it-talin jikkonfermaw fatt li ħadd ma jista’ jinnega. Li, minkejja d-diffikultajiet li affrontajna, il-pajjiż jinsab fit-triq it-tajba.
L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi li suppost huma aktar avvanzati minna- bħal pereżempju l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja, l-awtoritajiet tas-saħħa mxew bi professjonalità liema bħalha f’kull qasam tas-soċjetà tagħna.
Triq li se twasslu jsaħħaħ l-ekonomija mingħajr ma jittraskura saħħtu.
Triq li se twasslu għal aktar suċċessi u opportunitajiet hekk kif darriena- xi drabi bi fsied żejjed- Gvern Laburista f’dawn l-aħħar seba’ snin.
U dawk l-uccelli tal-malaugurio jispiċċaw iduru għalihom infushom għax jintebħu li l-poplu Malti rriġetta n-negattività tagħhom!