In-nominat għal Malta għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef se jkun assenjat bil-portafoll taż-Żgħażagħ, għall-Ġustizzja bejn il-Ġenerazzjonijiet, l-Isport u l-Kultura.
Dan wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen ħabbret min se jkunu s-sitta u għoxrin Kummissarju Ewropew, li jekk jiġu approvati mill-Parlament Ewropew, se jkunu qegħdin jakkumpanjawha fil-ħames snin li ġejjin.
Glenn Micallef, li fl-età ta’ ħamsa u tletin sena huwa l-iżgħar mis-27 nominat għal Kummissarji Ewropew, se jkun responsabbli biex isib modi differenti biex jinvolvi liż-żgħażagħ, fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni Ewropea.
Dwar l-irwol li ngħata Micallef, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fissret kif il-portafoll mogħti lin-nomina Maltija huwa wieħed li jidħol f’diversi oqsma għaliex jolqot lil kulħadd speċjalment liż-żgħażagħ. Von der Leyen żiedet tgħid li dan il-portfoll ġie fdat lil Micallef biex jieħu ħsiebu biex joħloq bilanċ fis-soċjetà.
Intant, għal din l-aħbar, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Unjoni Ewropea għandha impatt sinifikanti fuq in-nies, partikolarment fuq iż-żgħażagħ, il-kultura u l-isport. Il-Prim Ministru Abela żied jgħid li dan huwa mumenti ta’ sodisfazzjon għal Malta, hekk kif in-nominat ta’ pajjiżna qiegħed jieħu rwol ewlieni fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa.
Il-pass li jmiss huwa li Micallef, flimkien mal-kummissarji proposti l-oħra ġejjin mis-27 pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, jaffaċċjaw grilling, mill-Membru Parlamentari Ewropew, li imbagħad jivvutaw fuqhom.