Meta Daphne Caruana Galizia kienet tikteb hi kellha l-libertà tal-kelma iżda dan id-dritt għandu jestendi għal kulħadd.
Sostna dan id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia. Bedingfield tela’ jixhed minn jheddu wara li fil-fehma tiegħu saru numru ta’ allegazzjonijiet foloz mir-raġel ta’ Caruana Galizia fix-xhieda tiegħu.
Bedingfield xehed li Peter Caruana Galizia u xhieda oħra taw x’jifhmu li huwa kien parti minn xi kumplott kontra Daphne Caruana Galizia. Bedingfield kompla li l-unika sit li kien responsabbli għalih kien dak li jġib ismu. Dan wara li Dr Caruana Galizia allega li sit ieħor anonimu kien responsabbli għalih Glenn Bedingfield.
Qal li s-sit tiegħu kien jittratta temi kurrenti u l-politika u ma kienx intiż biex jattakka xi persuni inkluż is-Sinjura Caruana Galizia.
Sostna li huwa beda jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2013 iżda s-sit ħolqu fl-aħħar tal-2015. Irrimarka li l-attakki kienu jiġu lejh min-naħa ta’ Caruana Galizia għal diversi snin, fosthom b’aġġettivi koroh u li sal-lum għadu jiġi mgħajjar b’affarijiet li kienet semmiet Daphne Caruana Galizia.
Huwa ppreżenta lista ta’ 558 persuna li ssemmew fil-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, fosthom tfal inkluż bintu. Qal li familji tkissru ħabba l-kitba tagħha, nies li ġġieldu u saħansitra każ ta’ persuna li spicca jikkontempla suwicidju minħabba l-pinna tagħha.
Min-naħa tiegħu kitbietu fuq is-sit qatt ma qajmet xi libel mingħand ħadd, lanqas Daphne Caruana Galizia.
Bedingfield xejjen allegazzjoni oħra li għamel Peter Caruana Galizia li l-Pulizija għassa mad-dar tal-familja Caruana Galizia kienu jgħaddulu tagħrif dwar il-movimenti tagħha. Irrimarka li x-xhieda ta’ omm Caruana Galizia qalet li bintha kienet tinkwieta li ma hemm ħadd għassa ma’ darha.
“Allura kif jista’ jkun li l-Pulizija jgħadduli l-informazzjoni?,” staqsa Bedingfield.
Hekk kif il-bord irrimarka li huma qegħdin ifittxu l-istituzzjonijiet u mhux persuni, Bedingfield fakkar ukoll kif fl-2017 Caruana Galizia bdiet tattakka l-Partit Nazzjonalista għax Adrian Delia ma kienx il-preferut tagħha. Qal li kemm Delia kif ukoll il-partitarji tiegħu għajjruha.
Staqsa allura jekk b’dan ir-raġunament il-Partit Nazzjonalista huwiex ukoll parti minn konġura istituzzjonali li wasslet għall-assassinju.
Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia dwar xogħlu, Bedingfield qal li huwa kien jokkordina l-mistoqsijiet parlamentari li kienu jsiru, iżda fisser kif kellu dritt isostni l-fehmiet tiegħu. Iċċara wkoll li huwa qatt ma’ tella posts fil-ħin li huwa kien jaħdem.
Mistoqsi jekk ikkunsidrax li bil-kitibiet tiegħu kienx jintimida lil persuni b’fehma opposta, Bedingfield qal li Comodini Cachia qed issemmi affarijiet li għaddew minnhom esponenti tal-Partit Laburista stess minn esponenti Nazzjonalisti.
Intant ix-xhieda ta’ Bedingfield kienet ikkaraterizzata mid-Deputat Nazzjonalista jissuġerixxi x’mistoqsijiet Comodini Cachia għandha tagħmel lix-xhud. Dan filwaqt li l-imħallef Joseph Said Pullicino rrimarka li x-xhieda ta’ Bedingfield m’għandhiex x’taqsam mal-inkjesta iżda partijiet minnha jistgħu ikunu rilevanti.