Is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi tal-UE flimkien mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ħabbru li l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta se jibbenefika minn aktar minn €550,000 f’fondi mill-UE.
L-Awtorità tal-Ġestjoni approvat proġetti għall-Korp tal-Pulizija ta’ madwar €556,769 – taħt il-programm 2014-2020 mill-Fondi tas-Sigurtà Interni (ISF) – immirati lejn it-tisħiħ tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskju.
Il-proġetti jinkludu l-akkwist ta’ lbies bullet-proof, li jipprovdi sigurtà lill-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, u aktar radjijiet għal aktar effiċjenza waqt xogħolhom.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-fondi se jiġu allokati għall-provvista ta’ sistemi tas-sigurtà biex tissaħħaħ il-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali u tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata fil-fruntieri esterni. Żied li dawn il-fondi, li għadhom kif ġew allokati, huma parti minn sensiela ta’ investimenti li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-forza fil-ħarsien tas-sigurtà nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg spjega li dan il-proġett se jippermetti biex il-Korp tal-Pulizija jibbenefika minn aktar minn nofs miljun ewro, 75% minnhom iffinanzjati preċiżament taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna tal-UE.
Dr Borg fakkar li Malta se tinvesti madwar €100 miljun taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), liema fond jimmira li jtaffi l-kontrolli tas-sigurtà u tal-fruntiera interna. Dawn il-fondi se jkomplu jibnu fuq id-diversi azzjonijiet li ġew implimentati fl-aħħar sentejn, qal is-Segretarju Parlamentari Borg.
Il-Ministru Abela u s-Segretarju Parlamentari Borg qalu li kienu impenjati jiżguraw aktar finanzjament, kemm minn dak lokali kif ukoll minn programmi oħra tal-UE.
Esprimew ir-rikonoxximent tagħhom għax-xogħol imwettaq mid-Diviżjoni Fondi u l-Programm u l-amministrazzjoni tal-Pulizija, li permezz ta’ sforzi konġunti, kienu qed jimplimentaw proġetti importanti fil-qasam tas-sigurtà interna.