F’dak li seta’ kien l-agħar mument ta’ ħajjitha, tgħallmet iktar tħobb il-ħajja.
Din l-esperjenza tal-atleta paralimpika Taljana Giusy Versace, li ġiet pajjiżna bħala mistiedna speċjali għal SportsMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali. Versace hi bint Alfredo Versace li jiġi l-kuġin ta’ Donatella, Santo u Gianni Versace li huma magħrufa sew fid-dinja tal-moda. Fl-2005 li ta’ 28 sena Giusy tilfet saqajha t-tnejn f’inċident tat-traffiku. Minkejja dan hi ma qatgħetx qalbha, u fl-elfejn u għaxra saret l-ewwel atleta Taljana li ġriet b’żewġ saqajn prostetiċi.
F’intervista ma’ ONE News stqarret kif eżatt malli qamet mill-koma wara l-inċident, ħassitha ffortunata li kienet għadha ħajja għalkemm l-uġigħ kien indeskrivibbli.
Hija stqarret li ma kinitx faċli tibni l-karriera tagħha fl-atletika, anke minħabba l-fatt li s-saqajn prostetiċi ma’ jaħdmux l-istess bħal-muskoli tas-saqajn. Madankollu fl-isport sabet il-motivazzjoni li kellha bżonn biex tkompli tgħix ħajjitha. U bih sfidat lil kull min wara l-inċident, ma emminx fiha.
Giusy stqarret magħna li ħajja mimlija proġetti u xogħol qed tkompli tgħinha tgħix ħajja normali. Dan filwaqt li tilħaq l-għan filantropiku tagħha u tgħin lil min għaddej minn xi esperjenza simili. Fosthom fl-elfejn u ħdax waqqfet l-assoċjazzjoni Disabili No Limits Onlus biex jinġabru fondi biex jinxtara apparat li jgħin lil atleti paralimpiċi ġodda fl-attivitajiet sportivi. Wara li kitbet ktieb fuq l-esperjenza tagħha u biddlitu fi spettaklu teatrali, imiss issa li tikteb ktieb għat-tfal biex taqsam l-esperjenza tagħha magħhom. Għal Giusy l-imħabba lejn il-ħajja hija kollox għax hi din l-istess imħabba li żammitha determinata li tkompli tgħix ħajja mimlija ħidma u attività li wasslitha għas-suċċess tagħha.
Fl-aħħar nett il-messaġġ kien biex ebda persuna m’għandha tħalli esperjenzi koroh jiddeterminaw l-kapaċitajiet tagħha. Dan filwaqt li ħadd m’għandu jistħi mid-diżabilità li jkollu.