Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte rriżenja wara taqlib politiku ieħor fl-Italja iżda xorta għalissa se jibqa’ Prim Ministru caretaker sakemm il-President Taljan Sergio Mattarella jsib lil xi ħaddieħor fil-Parlament li jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tad-deputati u jkun jista’ jifforma Gvern.
Fin-nuqqas ta’ dan isiru elezzjonijiet ġodda fl-Italja.
Conte informa lill-Ministri bid-deċiżjoni tiegħu f’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri t-Tlieta filgħodu, u wara ppreżenta l-ittra tar-riżenja tiegħu lill-President Taljan Sergio Mattarella.
Il-Prim Ministru Taljan warrab qabel il-vot dwar riformi ġudizzjarji li kien skedat għall-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Dan sar wara l-inċertezza li nħoloq fil-parlament Taljan, hekk kif li l-eks Prim Ministru u mexxej tal-partit Italia Viva, Matteo Renzi, ħabbar li l-partit tiegħu se jkun qed joħroġ mill-koalizzjoni ta’ partiti li jgħaqqdu il-gvern Taljan.
Renzi kkritika lil Conte għal mod li bih mexxa l-pajjiż waqt il-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll dwar il-pjan ta’ rkupru ekonomiku ta’ wara l-imxija.
Giuseppe Conte kien qed jittama li jkollu biżżejjed appoġġ sabiex jissostitwixxi lill-membri parlamentari tal-partit ta’ Renzi qabel il-vot dwar ir-riformi ġudizzjarji, madanakollu dan ma mmaterjalizzax, u għalhekk il-vot kien se jkun ukoll vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru Taljan, li ilu f’din il-kariga sa mill-1 ta’ Ġunju tal-2018.
Il-President tal-Kunsill tal-Ministri kien rebaħ bi ftit voti ta’ fiduċja fil-Parlament u anki fis-Senat iżda fis-Senat kien hemm 16-il astensjoni li tfisser li hu ma kellux maġġoranza ċara fl-ogħla Kamra.