Giulio Baldacchino, Slimiż residenti l-Mellieħa, ta’ 44 sena huwa l-vittma tal-inċident stradali li seħħ dalgħodu fi Triq il-Kosta fin-Naxxar.
B’ din hija t-tieni fatalità fi żmien ġimgħa fit-toroq Maltin. Giulio huwa magħruf għall-imħabba u l-passjoni li kellu għall-muturi.
L-inċident li ħasad il-ħajja ta’ dan ir-raġel seħħ għall-ħabta tat-7:45 fi Triq il-Kosta fin-Naxxar. Mill-ewwel stħarriġ li sar fuq il-post mil-Pulizija u l-esperti maħtura mill-Maġistrat tal-Għassa, huwa mifhum li s-sewwieq tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Suzuki GSXR li bl-impatt baqa’ miexi għal iżjed minn 250 metru.
Persuni li kienu fuq il-post tal-inċident, stqarru ma’ ONE News li Giulio m’huwiex wiċċ ġdid mad-dilettanti tal-muturi li fi tmiem il-ġimgħa jerħula lejn triq il-Kosta bil-muturi tagħhom.
Kienu bosta ħbieb ta’ Baldacchino, dilettanti tal-muturi li esprimew id-dieqa tagħhom għal din it-telfa.
AQRA UKOLL: AĠĠORNAT BIL-FILMAT: Sewwieq ta’ mutur jitlef ħajtu f’inċident fi Triq il-Kosta