Il-Ħadd, 29 ta’ Diċembru 2024, għas-sitt sena konsekuttiva, il-Porsche Club Malta, b’ impenn kollettiv, organizza l-Puttinu Run.
Qabel il-ġirja, il-President tal-Porsche Club Malta u l-kumitat tiegħu, f’isem il-membri kollha, taw is-somma ta’ aktar minn tlieta u tletin elf ewro miġbura minn diversi avvenimenti u inċentivi matul l-2024. Rennie Zerafa, ko-fundatur ta’ Puttinu, irringrazzja lil Porsche Club Malta għal din id-donazzjoni u qal li bejn 60 u 90 pazjent imorru barra għall-kura kull xahar.
Din id-donazzjoni sejra lejn proġett ta’ 25 miljun ewro li għaddej fiċ-ċentru ta’ Londra u grazzi għal dawn il-kontribuzzjonijiet dan għandu jitħallas kollu sa nofs is-sena d-dieħla. Il-Ġenituri u oħt Francesco Spiteri, li miet fl-età ta’ 15-il sena tliet xhur ilu, esprimew il-gratitudni mill-qalbom lil Porsche Club Malta f’isem il-familji tal-pazjenti li se jkunu qed jibbenefikaw minn din id-donazzjoni ġeneruża. Huma enfasizzaw kif dan l-appoġġ se jtaffi b’mod sinifikanti l-piż finanzjarju u jġib tama lil ħafna familji.
Wara, il-membri tal-Porsche Club Malta ħadu lill-pazjenti għal dawra fil-Porsche tagħhom lejn l-Akwarju Nazzjonali fil-Qawra.