Hija ġirja kontra l-ħin l-operazzjoni ta’ tfittxija għal sottomarin li kien fih it-turisti u li ntilef waqt li kien qed jeħodhom iżuru n-nawfraġju tat-Titanic. Ilbieraħ wara nofsinhar, irriżulta li l-membri tal-ekwipaġġ kien fadllilhom erbat’ijiem ta’ ossiġnu.
Żewġ Pakistani huma fost il-ħames persuni li hemm fis-sottomarin: in-negozjant Shahzada Dawood u ibnu Suleman. Shahzada huwa wieħed mill-aktar persuni sinjuri fil-Pakistan.
Flimkien magħhom hemm in-negozjant u esploratur Ingliż Hamish Harding u l-esploratur Franċiż Paul-Henry Nargeolet. Stockton Rush, il-kap eżekuttiv ta’ OceanGate, il-kumpanija li organizzat il-ġita, aktarx li jinsab fis-sottomarin ukoll.
Il-kuntatt mas-sottomarin intilef madwar siegħa u 45 minuta mill-vjaġġ tiegħu lejn is-sit tal-inkaljar tat-Titanic, il-Ħadd.
It-tifrik tat-Titanic jinsab madwar 600km (370 mil) ‘il barra mill-kosta ta’ Newfoundland, il-Kanada.