Dan ir-ritratt juri l-mument meta l-Ministru Owen Bonnici żvela l-provi li kellu f ’idejh fil-programm Xarabank. Dak li jidher imur jargumenta mal-preżentatur hu d-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Matthew Bonnet.
Waqt il-paniku li qam fost l-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista fil-mument li Bonnici żvela x-xhieda dokumentata, Bonnet ħass li għandu jmur jargumenta ma’ Peppi Azzopardi.
Għalkemm ftit fiehmu għaliex, għax il-preżentatur dak il-ħin mar għar-reklami biex Azzopardi jilħaq jara d-dokument u jwieġeb wara. Mal-uffiċjali tal-PN kien hemm ukoll il-whip tal-grupp parlamentari Nazzjonalista David Agius, li ntalab biex jattendi mill-Kap Simon Busuttil.
Qabel il-programm bdew jgħoddu wieħed wieħed in-nies bilqiegħda biex ikejlu li hemm Nazzjonalisti daqs kemm hemm Laburisti. U għax deherilhom li kienu se jitilfu wkoll fl-udjenza insistew mal-preżentatur biex tinżamm biss l-udjenza mistiedna mill-partiti u l-bqija tas-sala tkun vojta.