Il-HopeXchange Malta qed torganizza l-ewwel edizzjoni ta’ ġirja b’risq il-HopeXchange Medical Centre, magħruf bħala l-isptar Malti fil-Ghana biex ikompli jagħti t-tama lil mijiet ta’ ommijiet u trabi li jirikorru għall-kura.
Dan l-isptar twaqqaf fl-1998 minn grupp ta’ missjunarji lajċi Maltin u llum il-ġurnata kiber f’istituzzjoni b’iktar minn mija u erbgħin sodda u erba’ mitt tabib, permezz tal-ġenerożità mid-donazzjonajiet tal-Maltin.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Nikol Baldacchino, wieħed mill-atleti li se jieħu sehem f’din il-ġirja, tkellem magħna dwar it-tbatijiet li jgħaddu minnhom l-ommijiet u t-trabi fil-proċess tat-twelid fl-Afrika.
“Kuljum ġejjin pazjenti foqra kieku ma nkunux aħna l-Maltin kieku minjaf dawn x’se jsir minnhom. U wieħed mill-bżonnijiet li hemm fl-Afrika huma fejn jidħlu l-ommijiet qabel, waqt u wara li jwelldu u t-trabi tagħhom u t-tfal. Għalhekk l-isptar ħa jkompli jkabbar l-operat tiegħu billi issa ħa nibnu sala speċjalment għaliex ħafna ommijiet jitilfu it-trabi tagħhom waqt li qed iwelldu.”
Din l-attività li se ssir il-Ħadd 14 ta’ Lulju fis-sebgħa ta’ filgħodu, u tikkonsisti f’ġirja u mixja ta’ ħames kilometri u mixja ta’ żewġ kilometri u nofs għat-tfal, u tibda u tintemm fil-Palazz tal-Verdala, il-Buskett.
“Inħeġġeġ lil dawk li qed jarawna biex jiġu jingħaqdu magħna fl-erbatax ta’ Lulju fis-sebgħa ta filgħodu fil-palazz Verdala u dawk li forsi qatt ma daħlu hemm jew qatt ma spiċċaw ġirja f’dak il-post. Ħa tkun attività spettakolari fejn nieħdu gost u ngħinu biex ommijiet u tfal ikollhom dinjità waqt li qed iwelldu u wens wara li jwelldu.”