- IN-NEGOZJI FIS-SETTUR TAL-PANNELLI BAQGĦU GĦADDEJJIN
Kien aktar kmieni dan ix-xahar li tħabbret inizjattiva oħra għal dawk li jridu jinvestu fl-enerġija alternattiva fi djarhom. Hemm tmien miljun ewro u li minnhom se jibbenefikaw familji li jixtiequ li fuq il-bejt tagħhom ikollhom sistema li tiffrankalhom ħafna iżjed fuq il-kont tad-dawl.
Ġimagħtejn wara li tħabbret din l-iskema, ir-rispons tal-familji diġà kien b’saħħtu ferm. Familji minn kull sfera tas-soċjetà resqu ’l quddiem biex jinvestu f’enerġija rinovabbli.
Deborah Schembri, responsabbli minn enerġija rinovabbli fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi u sid ta’ negozju hi stess, qalet li “r-rispons kien pożittiv kemm min-naħa tas-settur kif ukoll min-naħa tal-familji Maltin li qed imorru għal dawn it-tip ta’ skemi t’għajnuna finanzjarja.
Ma ninsewx illi s-settur tagħna għadda minn żminijiet verament diffiċli fejn aħna biex ikollna għotja maħruġa mill-gvern konna ġieli nistennew sentejn sħaħ.
Konna nkunu fl-aqwa tagħna meta toħroġ għotja, imbagħad meta tispiċċa jispiċċa x-xogħol b’konsegwenza li konna nispiċċaw sentejn bil-ħaddiema ma nafux x’ser nagħmlu bihom.”
Schembri qalet li n-nies ovjament meta jkunu jafu li hemm l-inċentivi jersqu lejn dawn l-inizjattivi. “Nafu li dan l-aħħar kien hemm miljuni oħra li kollha ġew eżawriti. It-tmien miljuni li għadu kif tefa’ l-Gvern fis-suq hija xi ħaġa pożittiva ħafna tant li bħala settur lilna żammitna għaddejjin bix-xogħol filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin moħħhom mistrieħ li meta jasal il-mument tagħhom biex jinvestu f’pannelli solari hemm għajnuna finanzjarja għalihom. Mhux imorru biex jinvestu u ma jsibux għajnuna,” kompliet tispjega.
Insistiet li bħalma gawda l-konsumatur gawdew is-sidien u l-ħaddiema tagħhom.
“Il-munita trid taraha miż-żewġ naħat. Għandek il-kumpaniji li jipprovdulek dan is-servizz, u għandek il-familji li mhux kulħadd jinzerta li għandu l-flus f’idejh biex jgħaqqad il-kumplament tas-somma li għandu bżonn biex jinvesti fil-pannelli solari. Din l-iskema qed tgħin ħafna biex ix-xogħol ikun stabbli u dejjem għaddej,” qalet Schembri f’kummenti mal-gazzetta KullĦadd.
Schembri żiedet tgħid li kulħadd jaf li b’sistema tal-pannelli se jiffranka ħafna flus mill-kontijiet tad-dawl u m’hemmx differenza bejn klassi tan-nofs jew għolja minn klassi baxxa. “Dan għaliex anke banek qed joffru skemi ta’ self raġonevoli biex ikollhom il-kumplament tas-somma li jkollhom bżonn biex jinvestu. Għaldaqstant, kulħadd jista’ jilħaq din is-somma u jkun jista’ jagħmel power station żgħira tiegħu fuq il-bejt,” kompliet tirrimarka.
L-istess ħsibijiet esprimiethom Abigail Mamo, Direttur Ġenerali tal-GRTU. “Min-naħa tagħna kif stennejna kien hemm rispons tajjeb mill-bejjiegħa li huma membri tal-GRTU. Fil-fatt l-estensjoni konna tlabnieha aħna stess għax rajna domanda qawwija. Kien hemm mat-30 negozju membru tal-GRTU li bbenefikaw minn din l-iskema. Il-bejjiegħa qalulna li l-klijenti baqgħu deħlin b’mod regolari u issa l-klijenti għadhom ġejjin. Għall-klijenti li huma residenti domestiċi din hija għajnuna sostanzjali li flimkien ma’ skema li għamilna aħna li tista’ tissellef mingħajr interessi wieħed jista’ jagħmel l-investiment faċli,” irrimarkat Mamo.
Bħar-rappreżentant fi ħdan l-MDA tinnota kemm kien essenzjali li dawn in-negozji jkollhom sens ta’ kontinwità. “Aħna nafu li l-Maltin jinvestu meta l-Gvern iħabbar xi skema. Li kien qed jiġri qabel hu li l-bejjiegħa kienu jagħmlu snin mingħajr xogħol imbagħad malli titħabbar xi skema kienu jispiċċaw ifuru bix-xogħol bil-konsegwenza li ma jlaħħqux mad-domanda. Anke għaliex kien ikun hemm ammont kbir ta’ flus allokati li jkunu jridu jintużaw f’qasir żmien,” temmet Mamo li wriet kif hawn ukoll inbidlu ż-żminijiet. Qed isir iktar pjanar biex iċ-ċittadini jgawdu iktar.
“Kien hemm żmien li meta tingħalaq l-iskema ma kienx ikollhom iżjed ordnijiet. Din kienet sistema ħażina, għax kienu jneħħu r-riżorsa umana tagħhom imbagħad jerġgħu jffitxuha. B’hekk l-estensjoni tal-iskema tal-pannelli kif inhi bħalissa għenet biex in-negozji jkollhom kontinwità fl-attività ekonomika tagħhom,” qalet Mamo li fl-aħħar nett spjegat x’kien is-sigriet ta’ dan kollu.
“Din id-darba ftehemna minn qabel mal-Gvern. Għamilna allokazzjoni għal ħames snin sħaħ u l-bejjiegħa kienu jafu meta kienet se tinfetaħ l-iskema u l-flus allokati taħt kull skema. Din ħadmet tajjeb ħafna tant li l-problemi li kellna qabel m’għadhomx hemm,” temmet tgħid Mamo. Biex b’hekk in-negozji huma sodisfatti, iżda iktar minnhom madwar għoxrin elf familja li jistgħu jinvestu u jiffrankaw mill-kont tal-enerġija li għalkemm roħos dejjem hu ta’ sodisfazzjoni li wieħed iġibu żero.
Ħolqa importanti minn bosta
Il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi spjega kif din hija wkoll ħolqa importanti minn bosta, tant li fl-aħħar erba’ snin sar investiment ta’ €41 miljun. “Apparti minn hekk, nedejna skemi ġodda li jinkludu skemi għal min m’għandux aċċess għall-bejt. Bdejna naħdmu fuq solar farms fuq ġibjuni tal-WSC, biex nimmasssimizzaw l-assi li għandhom il-WSC filwaqt li nikkontribwixxu għall-miri tal-2020 tal-enerġija rinnovabbli ta’ Malta. S’issa diġà lħaqna aktar minn nofs il-miri tagħna dwar enerġija rinovabbli li għandna nilħqu sal-2020,” spjega l-Ministru Mizzi.
Il-Ministru Mizzi fakkar kif is-settur tal-enerġija dejjem kien meqjus bħala wieħed mill-aktar setturi importanti għal dan il-Gvern. Kien għalhekk li fl-2013 il-Partit Laburista fil-manifest kien iddikkjara li Gvern Laburista kien ser jenfasizza li jkollna enerġija nadifa, u jwettaq il-qalba mill-Heavy Fuel Oil, l-aktar żejt li jniġġes għall-gass. Illum qegħdin nosservaw ir-riżultati ta’ dan il-Gvern wara erba’ snin ta’ ħidma sfiqa b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.
Mizzi fakkar ukoll f’waħda mill-ikbar kisbiet; l-għeluq tal-power station tal-Marsa. “Wara li ilha taħt cold standby mill-2015, il-power station tal-Marsa illum hija uffiċjalment magħluqa. Mhux talli hekk, inbeda l-process tat-twaqqigħ u llum qegħdin fil-proċess biex inwaqqgħu għalkollox il-main turbine hall tas-sit. Ċertu tankijiet tal-Heavy Fuel Oil li kienu jintużaw diġà żżarmaw, u inbeda l-proċess sabiex jitneħħa l-fdalijiet tal-aħħar Heavy Fuel Oil li kien fadal. Din tfisser ħafna għall-poplu tal-Marsa għaliex din il-power station kienet ilha mibnija għal żmien twil u kienet tarmi ħafna emmissjonijiet tossiċi għar-residenti tal-madwar, speċjalment tal-inħawi tal-Marsa, Raħal Ġdid, il-Ħamrun, il-Belt, il-Furjana, il-Fgura, Santa Lucija u Ħal Tarxien. Prattikament din tfisser nifs ġdid u nadif għall-poplu Malti u Għawdxi,” qal Mizzi li fisser kif issa se jkun hemm konsultazzjoni dwar l-użu ta’ dan is-sit.
“Il-Marsa mhux l-unika impjant li jaħdem bil-Heavy Fuel Oil. L-eqdem parti ta’ Delimara, dik magħrufa bħala Delimara Phase 1 li tinkludi ċ-ċumnija l-kbira, se tingħalaq ukoll. Dalwaqt se nkunu qegħdin nesperjenzaw it-tmiem tal-era tal-Heavy Fuel Oil darba għal dejjem. Dan ser ikun ifisser arja aktar nadifa, b’90% anqas trab fl-arja u 50% anqas emmissjonijiet, filwaqt li ser inkunu qegħdin inwaqqgħu iċ-ċumnija mostruża ta’ Delimara,” kompla jgħid il-Ministru Mizzi.
Biex dan ikun possibbli wasal il-Floating Storage Unit f’pajjiżna u bdew jaslu l-konsjeni ta’ gass. Permezz tal-konverżjoni tal-impjant tal-BWSC li saret permezz tal-investiment tas-Shanghai Electric Power fl-Enemalta, illum bdejna niġġeneraw l-ewwel elettriku mill-gass naturali. Illum lestejna l-konverżjoni ta’ nofs dan l-impjant, li tinkludi erba’ turbini. Erba’ oħra bdiet il-konverżjoni tagħhom, u l-impjant mistenni jkun komplut dalwaqt u jkun jaħdem kompletament permezz tal-gass.
“L-impjant il-ġdid tal-gass tal-Electrogas illum jinsab lest kompletament u qiegħed fi stadju ta’ ttestjar. Fil-ġranet li ġejjin ser inkunu qegħdin niftħu uffiċjalment dan l-impjant li ser ikun qiegħed iservi bħala s-sors ewlieni tal-elettriku f’pajjiżna. Permezz ta’ dan l-impjant illum għandna kontijiet orħos għall-familji u għan-negozji u arja aktar nadifa,” żied Mizzi f’kummenti ma’ din il-gazzetta meta b’sodisfazzjon innota kif inbidel is-settur tal-enerġija.