Giorgia u Andrew huma żewġt itfal ta’ disa’ snin, li se jkunu qed ixandru messaġġ pożittiv permezz tal-prietka tradizzjonali tal-Milied fil-Knisja ta’ Ħal Luqa, proprju l-post fejn bdiet din it-tradizzjoni.
ONE News żar lil dawn iż-żewġt itfal waqt l-aħħar tħejjijiet tagħhom, kif ukoll segwa parti mill-prietka.
Wara xhur ta’ preparamenti, it-tfal esprimew l-eċitament tagħhom hekk kif il-Milied jinsab wara l-bieb.
Min-naħa tiegħu, il-kappillan ta’Ħal-Luqa, Dun Michael Zammit fisser il-messaġġ li se jkunu qed iwasslu dawn it-tfal, bħala anġli, li huwa messaġġ ta’ ferħ.
Dun Michael stqarr, “Il-messaġġ żgur huwa wieħed ta’ ferħ, ferħ tal-Milied, li Ġesu’, l-iben t’Alla, sar wieħed minna, sar tarbija, tarbija li tiddependi mill-imħabba tagħna l-bnedmin, li din l-imħabba Ġesu’ ġie biex jagħtiha lil kull waħda u wieħed minna.”
Dun Michael Zammit spjegalna wkoll kif dawn it-tradizzjonijiet tal-Milied, huma sinonimi mal-lokal, hekk kif l-għanja ‘Ninni La tibkix Iżjed’ kienet inkibet minn patri Luqi.
Hu stqarr, “Proprju kien fl-1883 meta Ġorġ Sapiano – kien tifel ta’ għaxar snin – għamel l-ewwel darba l-prietka tat-tifel. Tant intgħoġbot din l-idea, li mbagħad xterdet mal-gżejjer Maltin kollha.”