Il-Prim Ministru Taljan, Giorgia Meloni, li tinsab f’pajjiżna għas-summit tal-MED9 ħeġġet lill-membri l-oħrajn ta’ dan il-forum internazzjonali biex jaġixxu b’mod mgħaġġel u magħqud quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni illegali.
F’ittra li bagħtet lill-mexxejja tat-tmien pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, li jmissu mal-Mediterran, Meloni stqarret li dawn il-pajjiżi għandhom jieħdu pożizzjoni komuni biex din l-isfida tiġi indirizzata fuq livell Ewropew b’mod komprensiv u mill-aktar fis possibbli.
Hawnhekk fakkret kif dan li qed titlob l-Italja jkompli mal-pożizzjoni li kienet maqbula fil-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Frar li għadda. Dakinhar, il-Kunsill għaraf li l-isfida tal-immigrazzjoni għandha bżonn soluzzjoni Ewropea u ġie maqbul li għandu jiżdied l-inforzar fuq il-fruntieri kemm dawk esterni, iżda wkoll ħidma fuq il-fruntieri interni tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-immaniġġjar tal-immigrazzjoni.
Fl-ittra, li ġiet irrapportata mill-midja Taljana, Meloni rreferiet ukoll għall-ftehim li ntlaħaq bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea b’rabta mal-immigrazzjoni illegali, fejn it-Turkija offriet li tgħin fl-immigrazzjoni, waqt li l-Unjoni tagħti appoġġ finanzjarju lill-pajjiż fil-Lvant tal-Ewropa.