Is-Sibt filgħodu, Giorgia Meloni saret uffiċjalment Prim Ministru tal-Italja, wara li ħadet il-ġurament tal-ħatra mill-President Taljan Sergio Mattarella.
B’hekk Meloni saret l-ewwel mara Prim Ministru f’dan il-pajjiż.
Giorgia Meloni saret Prim Ministru wara li l-partit tagħha, Fratelli d’Italia ġab l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni tal-25 ta’ Settembru li għadda, wara r-riżenja ta’ Mario Draghi.
Fl-alleanza tal-Gvern ta’ Meloni hemm il-partit tal-Lega Nord ta’ Matteo Salvini u l-partit tal-Forza Italia tal-eks Prim Ministru Silvio Berlussconi.
Il-Viċi Prim Ministri tal-Gvern ta’ Meloni huma Matteo Salvini u l-eks President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani. Huma saru Ministru tal-Infrastruttura u Ministru tal-Affarijiet Barranin, rispettivament.
Intant, fi tweet il-Prim Ministru Malti, Robert Abela awgura lill-Prim Ministru ġdid Taljan.
Huwa qal li jħares ’il quddiem sabiex tkompli l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, fl-ispirtu ta’ prijoritajiet u valuri komuni.