Wara li ftit jiem ilu l-id il-leminija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-assistent personali tiegħu Jeremy Gingell, ħabbar li se jirriżenja mill-kariga, attivisti fid-Dar Ċentrali kkonfermaw ma’ ONE News li Gingell ma felaħx aktar iseffaq wiċċu għal Bernard Grech qalb is-sitwazzjoni ta’ diżgwid li qed tkompli therri lill-Partit.
Dawn l-attivisti spjegaw kif, wara t-telfa storika li ġarrab il-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Jeremy Gingell tħalla jħabbat wiċċu waħdu mad-diżappunt u l-korla tal-attivisti, il-kandidati, u d-deputati. Dan kellu jagħmlu għax Bernard Grech ma riedx jaffaċċjahom hu.
Is-sorsi tagħna qalulna li l-ewwel inkwiet għal Gingell beda ftit sigħat biss wara li tħabbar ir-riżultat elettorali. Qabel mar fis-sala tal-għadd tal-voti f’Ta’ Qali, Grech beda jċempel lid-deputati u l-kandidati, inklużi dawk li kien ċar li ma kinux se jigġu eletti, biex jitlobhom jagħtuh l-appoġġ ħalli jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista.
Is-sorsi tagħna qalulna li Grech beda jintlaqa’ b’ostilità minn diversi deputati u kandidati. Għalhekk, huwa qabbad lil Jeremy Gingell jieħu nota tad-deputati u l-kandidati li esprimew ir-rabja tagħhom għalih quddiem ir-riżultat skunċertanti li kien għadu kif kiseb il-Partit Nazzjonalista. L-attivisti qalulna li Gingell, imbagħad, kellu jqatta’ l-gimgħat iċempel lil dawn id-deputati u kandidati skuntenti u jaqla’ t-tgħajjir u r-rabja kollha tagħhom hu f’isem Bernard Grech.
Barra minn hekk, kif sfaxxa fix-xejn in-nukleu ta’ Bernard Grech – bir-riżenja tal-istrateġisti tiegħu Chris Peregin u Ray Bezzina – beda jaqa’ ħafna u ħafna iktar xogħol fuq Jeremy Gingell. Is-sorsi tagħna qalulna li dan kien qed iseħħ ukoll minħabba l-karattru ta’ Grech, li hu magħruf li ma jħossux komdu jagħti spazju lil Nazzjonalisti li għandhom esperjenza iktar minnu fil-Partit imma mbagħad m’għandux il-kuraġġ biex jaffrontahom. Għaldaqstant, kompla jitfa’ l-piż fuq Gingell biex jieħu ħsieb jikkontrolla lil dawn.
Grech sar Kap fl-2020 bl-għajta li meta l-PN iwarrab lil Adrian Delia kien se jidħol hu b’tim ġdid li kien se jkun tim rebbieħ. Dan wassal biex bosta tesserati emmnu l-kampanja ta’ Grech, li eventwalment mhux talli ma tatx rebha lill-PN, talli wasslet biex “it-tim rebbieħ” innifsu beda jisfaxxa.