Ħa jiġi xi ħadd għalija? Ħa jarrestawni jew ħa neħel il-ħabs? Aħna rridu nagħmlu xogħlna u ngħinu b’serħan il-moħħ li mhux nikkommettu reat.
Kien dan is-sentiment ta-ġinekologa Chiara Frendo Balzan, f’intervista ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet.
Dan fid-dawl tad-diskussjoni li qed tiddomina fid-dominju pubbliku wara li l-Gvern ippropona emenda fil-kodiċi kriminali, li tipproteġi l-professjonisti u saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala tal-istess omm li jwasslu għal sitwazzjoni ta’ riskju għal ħajjitha jew saħħitha f’periklu gravi.
Ma’ ONE News Dr Frendo Balzan, sostniet l-importanza li l-professjonisti jaħdmu mingħajr pressjoni fuq il-lant tax-xogħol sabiex l-ommijiet jingħataw l-aqwa kura possibbli.
Frendo Balzan qalet, “Idealment tidħol ħalli aħna meta nkunu qed ngħinu lil din il-mara li hemm riskju tas-saħħa tagħha, riskju għal mewt, għax dawn huma affarijiet li naraw, għallinqas ma jkollniex dak l-istress li ngħidu “isma, jien qed nikkommetti reat?” Inkun nista’ ngħin lil dak li jkun openly. Mhux ħa jiġi jistaqsi għalija xi ħadd, ħa jarrestawni, ħa neħel il-ħabs? Importanti qed nitkellmu fuq is-saħħa tal-mara. Ħajja jew mewt hux.”
Hija spjegat ukoll kif għalkemm il-maġġoranza tal-każijiet ta’ tqala jsir il-ħlas tagħhom b’suċċess, ikun hemm ukoll każijiet ta’ emerġenzi mediċi fejn saħansitra l-omm tkun fil-periklu tal-mewt.
Dr Frendo Balzan elenkat wħud minn dawn il-każijiet.
Hawn stqarret, “Statistiċi minn barra minn Malta, mill-Ingilterra, Sepsi huwa wieħed mill-high maternal killers jiġifieri Apparti minn hekk mard mediku ieħor naraw ukoll. Mard tal-qalb pereżempju fejn il-qalb ma tiflaħx għat-tqala u allura l-omm tiġi ammessa l-isptar għal xi raġuni oħra. Rajna wkoll bil-Covid meta mara kienet marida sew bil-Covid u ma stajniex nieħdu ħsieba kif suppost għax kienet tqila u t-tqala kellha tkompli minflok inwaqqfu t-tqala biex nieħdu ħsieb l-omm. Dan kellna każ l-ITU.
Intant tul l-intervista Dr Frendo Balzan sostniet l-importanza tal-kunsens bejn il-professjonist u l-omm fuq kull deċiżjoni medika waqt it-tqala tal-omm.
Fil-fatt, sostniet li qabel kull intervent ta’ kwalunkwe tip irid ikun hemm il-qbil bejn iż-żewġ partijiet biex dan isir.
Intant, Dr Frendo Balzan irrimarkat ukoll l-importanza li l-mara tkun tista’ tieħu deċiżjoni mingħajr pressjonijiet fuqha speċjalment f’kuntest ta’ każijiet mediżi ta’ emerġenza.
Temmet tgħid, “Jekk dik il-mara li hija marida, li marrilha l-ilma, jista’ jkun tiddeċiedi li tgħid le jien irrid is-saħħa tiegħi l-ewwel. Mhux insalvaw il-baby. Hawn min jgħid hekk u tajjeb ukoll imma jekk il-mara tiddeċiedi li l-ħajja tagħha tiġi l-ewwel għallinqas ma tkunx ikkommettiet reat.