Il-Gvern u kumpanija lokali se jikkollaboraw biex iqajmu kuxjenza ambjentali f’diversi attivitajiet mifruxa fuq sebat ijiem bit-tema “Go Green”.
Bejn il-ħmistax u l-wieħed u għoxrin ta’ Settembru, il-Ministeru għall-Ambjent flimkien mal-Eden Leisure Group se jtellgħu numru ta’ attivitajiet ambjentali.
Dan bil-għan li individwi u kumpaniji jkunu mħeġġa jimplimentaw aktar inizjattivi ekoloġiċi biex isostnu l-ambjent lokali bl-aħjar mod possibbli.
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-Eden Leasure Group, Kate De Cesare spjegat kif l-attivitajiet tul il-ġimgħa “Go Green” se jsiru taħt il-kappa tal-Kampanja Saving Our Blue.
Hija spjegat: “Ser inkunu qed naħdmu fuq diversi inizjattivi matul dil-ġimgħa fosthom diversi clean-ups f’numru ta’ bajjiet madwar Malta kif ukoll Green Film Week ġewwa l-Eden Cinemas fejn ser nuru film b’tema ambjentali b’xejn lill-pubbliku.”
Se jsiru wkoll attivitajiet li jħeġġu l-użu ta’ trasport alternattiv lejn il-post tax-xogħol mill-impjegati tal-Eden.
Fl-istess waqt, l-impjegati tal-kumpanija se jkollhom ġurnata li jaħdmu mid-dar biex jikkontribwixxu għal inqas karozzi fit-toroq.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-Gvern se jkompli jagħti appoġġ lill-kumpaniji fis-settur privat li jieħdu dawn l-inizjattivi biex flimkien naħdmu favur it-tnaqqis ta’ impatt negattiv fuq l-ambjent u nimxu lejn is-sostenibbiltà f’kull qasam.
Huwa sostna: “Inkompli nħeġġeġ lis-settur privat biex jingħaqad magħna biex flimkien inkomplu għaddejjin mit-transizzjoni ekoloġika li pajjiżna għaddej minnha.”