Dalgħodu ngħata l-bidu għal programm ta’ taħrig ta’ ġimgħa mogħti mill-Inland Revenue Service tal-Istati Uniti b’rabta ma’ attivitajiet finanzjarji illegali. F’dan il-programm se jieħdu sehem madwar 40 parteċipant minn diversi oqsma fis-settur finanzjarju Malti fosthom il-Commissioner for Revenue, d-Dwana, l-MFSA, l-Asset Recovery Bureau, l-NCC, s-Servizzi Sigrieti f’Malta u l-FIAU kif ukoll l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna qal li pajjiżna għandu bżonn aktar ħaddiema bi speċjalizazzjoni fil-qasam tar-reat kriminali fil-finanzi u b’hekk dan il-programm li se jkun mifrux fuq ġimgħa se jkun qed iħarreġ diversi persuni dwar dan. Huwa sostna li l-Gvern waħdu ma jistax jiġġieled dawn l-atti kriminali u li b’hekk ingħaqad tim biex flimkien jaqsmu l-informazzjoni biex tisaħħaħ il-ġlieda kontra dawn l-atti.
Ic-Chargé d’Affaires mill-Ambaxxata Amerikana, Mark Schapiro, sostna fuq il-punt tal-Ministru Scicluna, li ebda entitá waħdiha ma tista’ tiġġieled il-kriminalitá finanzjarja. Huwa semma’ kif l-Istati Uniti tivvaluta l-kooperazzjoni li għandha ma’ Malta anke wkoll permezz ta’ dan il-programm kif ukoll it-tim magħmul minn diversi entitajiet, biex jiġġieldu l-ħasil ta’ flus kif ukoll il-finanzjarjament ta’ atti terrotistiċi. Huwa spjega wkoll li kif l-ekomonija b’saħħitha li għandu pajjiżna, mhux biss jattira investiment leġittimu, imma wkoll attivitajiet illegali, li issa permezz ta’ taħrig speċjalizzat, Malta se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tilqa’ għal dawn l-atti kriminali.