Il-Partit Nazzjonalista għamel ġimgħa jimmonta stejjer giddieba permezz tal-midja tiegħu u ta’ strateġisti tiegħu li mexxew kampanji elettorali, fosthom ta’ Simon Busuttil.
L-istejjer tant kienu giddieba li kien hemm ċaħdiet kategoriċi minnufih dwarhom u ġew ippreżentati l-fatti b’mod ċar.
Il-Partit Nazzjonalista beda l-ewwel jiem tal-ġimgħa b’allegazzjonijiet giddieba fuq l-elezzjonijiet.
Tattika li kien diġà uża qabel anki fi żmien Simon Busuttil, fejn kien intqal li hemm it-tbagħbis iżda pronta kienet it-tweġiba kategorika għal darba, darbtejn minn Identity Malta dwar karti tal-identità u saret ċaħda ukoll tal-allegazzjonijiet infondati li saru f’rikors iffirmat minn Jason Azzopardi, li fil-fatt ma ntlaqax fil-Qorti.
Iżda l-Partit Nazzjonalista baqa’ jippersisti f’din it-tattika anki jekk imbarazza lil niesu stess billi attakka wkoll lill-Kummissjoni Elettorali u n-nies fiha, fosthom dawk tal-Partit Nazzjonalista stess.
Fil-fatt l-elezzjonijiet f’Malta huma regolati, skont il-Kostituzzjoni, mill-Kummissjoni Elettorali, li fuqha hemm ir-rappreżentanti tal-partiti politiċi, waqt li dawn jiġu osservati wkoll minn osservaturi ta’ istituzzjonijiet internazzjonali.
Fi storja ta’ fake news oħra mill-midja Nazzjonalista kien hemm dik dwar għeluq ta’ kumpanija tal-gaming f’Malta.
Tan-NET qalu li kumpanija Hero Gaming se tagħlaq il-bibien tagħha f’pajjiżna, tkeċċi l-ħaddiema, u tirriloka f’ pajjiż ieħor iżda r-rapport mill-midja Nazzjonalista ġie mgiddeb mill-kumpanija stess.
Fi stqarrija lura Hero Gaming qalet ċar u tond li mhix se tagħlaq il-bibien tagħha u lanqas ma kien hemm xi ħaddiema li tkeċċew.
Ġie ċċarat li membri fit-tmexxija tal-kumpanija, li ma baqgħux jaħdmu fi ħdanha, irriżenjaw huma stess minn jeddhom.
Intant fil-jum tal-Ħadd, l-istrateġista ta’ Simon Busuttil, Caroline Muscat permezz tax-Shift News ippubblikat storja giddieba oħra, din id-darba b’attakk personali fuq il-Prim Ministru.
Allegat li qed isir xogħol bla permess fi proprjetà tal-Prim Ministru iżda din ukoll hi gidba.
Caroline Muscat, eks ġurnalista tat-Times mexxiet il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-2017 fi żmien Simon Busuttil u llum hija l-Editur tax-Shift News.