Il-bniedem hu msejjaħ biex ikun ħieles, l-isbaħ rigal li tagħtih il-ħajja. U għalkemm mhux dejjem ward u żahar, jiġu mumenti marbutin b’ħafna ktajjen li jġegħluna nħossuna falluti, ittraduti u mkissrin. Għalhekk hemm bżonn li bħala bnedmin nieqfu mill-għaġġla tal-ħajja biex naraw għaliex.
Dan ir-Randan, il-Moviment Era Ġdida, għal sena oħra, se jkun qed jorganizza l-eżerċizzji b’differenza bi tħejjija għall-Ġimgħa Mqaddsa.
Sitt ijiem profondi ta’ riflessjoni u tħejjija għall-ikbar festa tal-Knisja Kattolika, l-Għid il-Kbir.
Fi żmien importanti għalina l-Insara biex nippreparaw ruħna għall-Għid il-Kbir, Fr Colin Apap, id-Direttur Spiritwali mill-Moviment Era Ġdida qasam magħna l-ħsieb, li bħala bnedmin irridu ngħaddu mill-Ġimgħa l-Kbira biex niskopru l-festa tal-Għid, il-qawmien mill-mewt.
“Ilkoll kemm aħna ngħaddu mill-kriżijiet tagħna. Kont qed ngħum hawnhekk f’Birżebbuġa u nara statwa għaddejja fuq il-baħar. Kienet ta’ San Pietru fil-Ktajjen. Aħna wkoll marbutin b’diversi ktajjen. Min hu marbut bil-katina fi żwieġ tiegħu, min il-katina li hemm ċerti rabtiet li wieħed għad ma jistax jaqtagħhom. Illum ir-Randan hu ż-żmien fejn ngħix l-ispiritwalità tiegħi, li tfisser li nieqaf nirrifletti u nara Alla xi jrid minni u fejn jinsab fil-ħajja tiegħi. Fejn neżamina r-relazzjoni u waħda mill-modi kif nagħtu ċans biex nieqfu u nirriflettu dwar is-suċċess jew fjask li qed ngħaddu dan ir-Randan hu li nattendu l-eżerċizzji b’differenza.”
L-eżerċizzji b’differenza din is-sena se jsiru bejn it-Tnejn, 11, sas-Sibt, 16 ta’ Marzu, mis-sitta u n-nofs ta’ filgħaxija ’l quddiem, fi Project Hall, il-Furjana, fuq il-lemin tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.