• ŻIEDA FIL-PRODUZZJONI INDUSTRIJALI, ŻIEDA FIL-BEJGĦ
• L-IKBAR TKABBIR EKONOMIKU U MISTENNI IKTAR
F’din l-ewwel ġimgħa ta’ leġiżlatura ġdida kien hemm diversi aħbarijiet ekonomiċi pożittivi għal pajjiżna. Nhar it-Tlieta stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) indikat li f’April il-produzzjoni industrijali kompliet tikber. Fil-fatt il-fabbriki f’pajjiżna żiedu l-produzzjoni bi 3.6%. Dan wara li kien hemm żidiet anke fit-tliet xhur ta’ qabel tal-2017.
F’ċertu setturi industrijali, it-tkabbir huwa b’rata ferm qawwija. Per eżempju fil-qasam tal-produzzjoni intermedjarja, it-tkabbir laħaq 13.8%. Dan jikkonferma r-riżultati tal-istħarriġ regolari li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea fost fabbriki Maltin. Flaħħar stħarriġ li sar waqt il-kampanja elettorali, maġġoranza ta’ 42% tal-kumpaniji qalu li kellhom titjib fil-produzzjoni, tant li maġġoranza ta’ 25% minnhom qalu li ser iżidu il-ħaddiema, għax sostnew li għandhom ordnijiet b’lura għall-erba’ xhur. It-Tlieta nħarġet stqarrija oħra, din id-darba mill-Eurostat, l-aġenżija tal-istatistika tal-UE.
Din uriet li f’April tal-ħwienet kellhom żieda ta’ 4.2% fil-bejgħ. B’kuntrast, fil-pajjiżi taż-żona ewro ż-żieda kienet ta’ 2.5%. Għal darb’oħra dan ir-riżultat jaqbel ma’ dak tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea. Mentri madwar l-UE jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, il-familji f’pajjiżna komplew jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tjiebet u li jistennew li se tkompli titjieb. Maġġoranza ta’ 43% ta’ dawk intervistati qalu li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti kbar. Barra minn hekk, il-maġġoranża ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ li sar waqt il-kampanja elettorali jaħsbu li l-qgħad ser ikompli jonqos u li l-ekonomija ser tkompli tissaħħaħ.
Ċifri tal-Bank Ċentrali jindikaw li f’April, id-depożiti tal-familji tagħna ma’ banek lokali laħqu l-figura rekord ta’ €11.1 biljun. Din tfisser żieda ta’ €3.4 biljun, jew 44% fuq l-ammont fil-bidu ta’ Marzu 2013. F’erba’ snin, il-familji tagħna faddlu aktar milli kienu faddlu fit-12-il sena ta’ qabel meħuda flimkien. Il-Ħamis, l-NSO ħarġu stqarrija li fiha indikaw li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’pajjiżna laħqet 4.2% fl-ewwel kwart tal- 2017.
Din hija d-doppju tar-rata ta’ tkabbir fiż-żona ewro. Kien hemm żewġ fatturi wara t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna. L-ewwel fattur kien żieda qawwija fil-konsum privat, dovuta għal żieda fil-pagi ta’ €49 miljun fl-ewwel kwart tal-2017 meta mqabbel ma’ sena qabel. Meta mqabbel mal-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti d-dħul tal-ħaddiema huwa €286 miljun ogħla. It-tieni fattur kien l-andament pożitiv tal-ażjendi, bil-profitti tan-negozji jogħlew b’€70 miljun meta mqabbla mal-istess żmien sena qabel.
Barra minn hekk, il-profitti li n-negozji għamlu fl-2017 huma €436 miljun ogħla minn dawk li għamlu fl-2012. Dan it-titjib qawwi fil-profitti qed iwassal biex in-negozji jkomplu jżidu l-investiment. Tant li fl-ewwel kwart tal-2017 l-investiment kien €165 miljun, jew 57%, ogħla milli kien fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Fil-fatt l-ammont ta’ investiment li sar fl-ewwel kwart tal-2017 huwa l-akbar ammont ta’ investiment li qatt kien osservat f’dan il-perjodu mindu bdiet tinġabar l-istatistika għal pajjiżna. Element ieħor interessanti li joħroġ mill-istatistika uffiċjali hu li din turi li s-settur finanzjarju, li tul il-kampanja elettorali skont l-Oppożizzjoni kien qed jippakkja biex jitlaq, fil-fatt żied l-operat tiegħu b’€14 miljun, jew b’10%, fl-ewwel kwart tal- 2017. L-istess fejn jidħol is-settur tal-online gaming.
Fl-ewwel kwart tas-sena dan kabbar l-operat b’€27 miljun, jew b’9%, fuq is-sena ta’ qabel. Dan jipprometti tajjeb għaż-żmien li ġej. Dawn ir-riżultati pożittivi jispjegaw għalfejn nhar il-Ġimgħa l-Bank Ċentrali ta’ Malta rreveda ’l fuq it-tbassir tiegħu fuq l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna. L-esperti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li din is-sena l-ekonomija tagħna se tikber b’4.4%.
Dan huwa 0.3 punt perċentwali aktar mir-rata ta’ tkabbir li kien qed ibassar sitt xhur ilu l-Bank Ċentrali. L-analiżi tal-Bank Ċentrali tindika li “the energy reforms that have taken place in recent years, new investment projects, increased labour market participation and robust services exports are the primary drivers supporting the economic expansion”.
Dan jindika kemm it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna huwa frott diversi inizjattivi li ħa l-Gvern. Skont il-Bank Ċentrali l-Gvern mistenni jkompli jkollu surplus, tant li l-piż tad-dejn nazzjonali mistenni jaqa’ taħt il-50% tal-ġid nazzjonali. Fl-istess ħin, il-Bank Ċentrali qed ibassar li l-bilanċ pożittiv li pajjiżna għandu fil-pagamenti internazzjonali ser ikompli jiżdied.
Dan se jirrifletti żieda fl-esportazzjoni, l-aktar fil-qasam tal-manifattura u s-servizzi. Minkejja li s-sena li għaddiet, Malta kellha għar-raba’ sena konsekuttiva l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-UE, xorta l-esperti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li fl-2017 pajjiżna mistenni jkollu rata ogħla ta’ tkabbir ta’ impjiegi, ta’ 3%. Dan mistenni jwassal biex ir-rata ta’ qgħad tkompli tonqos. Fil-fatt. filwaqt li sa sitt xhur ilu l-Bank Ċentrali kien qed ibassar rata ta’ qgħad ta’ 5% għall-2017, issa qed ibassar rata ta’ 4.5%.
Skont Simon Busuttil l-ewwel ġimgħa ta’ Gvern ġdid Laburista kienet se tkun karaterizzata minn tluq ta’ kumpaniji u sensji. Dan kien kollu propaganda u invenzjonijiet.
Iċ-ċifri uffiċjali minflok urew żieda fil-produzzjoni industrijali, żieda fil-bejgħ fil-ħwienet, żieda fil-pagi, żieda fil-profitti u l-investiment, u żieda ta’ 10% fis-settur finanzjarju u dak tal-gaming.
Altru minn tnaqqis, fir-realtà kollox jindika li l-aqwa żmien għall-ekonomija ta’ pajjiżna għadu gej.