Ġie varat il-Malta Jazz Festival, li ser isir matul din il-gimgħa.
Dan il-festival, li huwa meqjus mill-komunità internazzjonali tal-jazz bħala xempju ta’ integrità artistika, jippreżenta panorama tal-mużika jazz fl-aspetti kollha tagħha.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tiċċelebra l-memorja ta’ Charles Gatt, li miet aktar kmieni din is-sena.
Gatt, li huwa magħruf bħala s-‘City’, kien drummer magħruf u kien il-fundatur tal-Festival tal-Jazz f’Malta.
Gatt studja l-mużika f’Boston u kien hemm li tnebbaħ bl-idea tal-Jazz Festival, li beda jorganizzah fl-1990.
Huwa anke daqq ma’ diversi orkestri barranin.
Fil-fatt, il-festival ta’ din is-sena ġie varat bil-ftuħ tal-wirja fotografika bl-isem ta’ ‘City Lights’, li hija esebizzjoni artistika ta’ Charles Gatt innifsu.
Din is-sena se jieħdu sehem fil-festival uħud mill-aktar mużiċisti u gruppi mużikali mfittxija fid-dinja, fosthom John Scofield, Richard Bona & Alfredo Rodriguez Sextet, Joel Ross, u Danny Grissett Trio.
Sandro Zerafa, li huwa d-direttur artistiku, spjega li l-edizzjoni ta’ sena, hija mimlija daqs bajda hekk kif diversi ikoni tal-Jazz se jkunu qed idoqqu fih.
Qal, “Huwa programm, bħal kull sena, pjuttost importanti u fih xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd, dawk midħla tal-jazz u dawk li forsi mhux daqshekk midħla. Ghandna wkoll master classes b’xejn u jam sessions b’xejn.”
Min-naħa tagħha, id-direttriċi tal-Festivals Malta, Annabelle Stivala, saħqet li l-edizzjoni ta’ din is-sena hija mmirata biex tkompli tagħmel il-mużika jazz aċċessibli għan-nies.
Qalet, “Qed nagħtu dan it-tribute lil Charles City Gatt, li ħalliena dan l-aħħar, fejn qegħdin nagħmlu din l-esebizzjoni għall-memorja tiegħu. Għandna programm varjat immens illi jibda llum. Għandna kunċert hawnhekk, imbagħad għandna għada u pitgħada ‘City Lights’ gewwa l-Belt Valletta. Għandna diversi masterclasses u mbagħad il-Gimgħa u s-Sibt nirritornaw ta’ Liesse, fejn jilħaq il-qofol il-Jazz Festival b’diversi artisti rinomati hafna mad-dinja kollha li ġejjin minn diversi pajjizi oħra u ġieli anke minn jazz festivals oħrajn.”