Bħal-lum ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-għażla f’idejn il-poplu se tkun fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej.
“Fil-ħin li ġej, se nkun qed immur għand il-President tar-Repubblika u nagħtih parir biex ixolji l-Parlament sabiex tinżamm elezzjoni ġenerali fis-26 ta’ Marzu.”
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela
Minn hemm bdiet kampanja pożittiva mill-Partit Laburista, bit-tema Malta Flimkien.
Mill-bidu tal-kampanja elettorali, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-ewwel ħames proposti.
Fost dawn hemm investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro f’seba’ snin għal spazji pubbliċi fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.
Fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela dan huwa l-aktar proġett ambizzjuż fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan se jinkludi aktar parks pubbliċi, żoni pedonali f’kull lokal, mini għat-traffiku fejn possibbli, spazji ħodor miftuha qrib kulħadd u iktar parkeġġi taħt l-art bil-ġonna fuqhom.
“Se nniedu wkoll skemi biex jinxtraw propjetajiet privati fil- qalba taż-żoni urbani biex jiġu maqluba fi spazji miftuħa u se nniedu wkoll skemi għax-xiri ta’ ġonna privati biex jinfetħu għall-pubbliku. Dan huwa I-kunċett magħruf bħala Urban Green Reclamation.”
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela
Ma’ dawn il-proposti għall-futur ta’ pajjiżna hemm ukoll żieda fil-pensjonijiet u mediċini b’xejn għall-anzjani kollha, inqas taxxi għall-ħaddiema u n-negozji u elf ewro fis-sena għal għaxar għal dawk li jixtru l-ewwel propjetà tagħhom.
B’dawn il-proposti li qed iressaq quddiem il-poplu Malti u Għawdxi kienu milqgħuha minn bosta, fosthom ambjentalisti, l-imsieħba soċjali u anki organizazzjonijiet taż-żgħażagħ.
Fl-ewwel ġimgħa ta’ din il-kampanja elettorali, it-tmexxija tal-Partit Laburista ltaqgħet man-nies u n-negozji fil-lokalitajiet.
Spikkat ukoll il-preżenza tan-nies taħt it-tined fl-attivitajiet tal-Partit Laburista man-nies fil-lokalitajiet.
F’nofs il-ġimgħa, il-Prim Ministru kellu jħalli l-attivitajiet politiċi f’pajjiżna fejn qeda l-interess nazzjonali u mar Brussell għal Summit tal-Kunsill Ewropew speċjali, li tlaqqa’ b’urġenza wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-Gvern qed jagħti garanzija li l-prezzijiet tal-enerġija u tal-materja prima ma jiżdiedux, jiġri x’jiġri.
Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Mexxej Laburista ħabbar li Gvern ġdid Laburista se jkun qiegħed iżid l-istipendji bi ħmistax fil-mija.
Tnediet ukoll il-kampanja taż-Żgħażagħ Laburisti, Together We Are.
Il-Partit Laburista kien ukoll mal-Għawdxin, hekk kif is-Sibt, il-Prim Ministru indirizza lill-Għawdxin.
Hawnhekk Dr Abela ħabbar kif taħt Gvern Laburista ġdid l-inċentivi għan-negozji Għawdxin se jkunu b’għaxra fil-mija iżjed.