Bħal-lum ġimgħa, il-Ħadd 28 ta’ April, il-Partit Laburista nieda l-kampanja pożittivita tiegħu bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela nieda din il-kampanja fl-għeluq tal-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista.
Qal, “Fit-tmienja ta’ Ġunju aħna lkoll imsejħa biex niddeċiedu jekk irridux li pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem jew le. Jekk hux se nibdew inreġġgħu l-arloġġ lura jew niksbu aktar. Jiena nixtieq li niksbu aktar, aktar u aktar.”
L-għada, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u dawk ta’ Project Green, fejn tenna l-importanza tal-indafa pubblika u ż-żamma tal-ispazji miftuħa f’pajjiżna.
Filgħaxija mbagħad, il-Mexxej Laburista kellu intervista minn Claudia Cuschieri, waqt il-programm ġdid fuq l-istazzjon ONE bl-isem ta’ 8/06.
It-Tlieta, fil-binja tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun sar kabinett man-nies li ttratta s-suġġett tal-ekonomija. Hawnhekk fost oħrajn il-Prim Ministru semma min bosta nies li jikkontribwixxu fil-qasam ekonomiku ta’ pajjiżna.
Hawnhekk Dr Abela ħabbar kif fil-ġimgħat li ġejjin se tibda mill-ġdid l-iskola tal-isnajja, waqt li ħabbar aktar inizjattivi biex tonqos il-burokrazija għan-negozji.
L-għada, fl-ewwel ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza Mass Meeting fi Pjazza San Ġorġ.
Quddiem folla sabiħa, Dr Abela rrimarka d-differenza fil-attitudni bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, bil-Partit Nazzjonalista jsir aktar arroganti u lest jagħmel minn kollox għad-disprament għall-poter.
Qal, “Għamilna bidliet kbar. Tlaqt min idejja poteri li ebda Prim Ministru ma kellu kuraġġ jerħi. Irriformajna u saħħaħna d-demokrazija. Iżda, dak ma jfissirx li se nħalli lil min jipprova jiddistabilizza l-pajjiż. Jien għandi d-dover li nħares l-interess wiesgħa tal-pajjiż. U hekk se nibqa’ nagħmel fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Sakemm tibqgħu tisilfuni l-fiduċja b’saħħitha biex naħdem f’isimkom.”
Fit-tieni jum ta’ Mejju, il-Partit Laburista ppreżenta formalment id-disa’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dawn huma: Claudette Abela Baldacchino, Alex Agius Saliba, Daniel Attard, Clint Azzopardi Flores, Thomas Bajada, Jesmond Bonello, Steve Ellul, Jesmond Marshall u Marija Sara Vella Gafà.
Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura ż-Żona għall-Kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, b’investiment ta’ sittax-il miljun ewro. Dan l-investiment fisser li żona fejn kienet fabbrika tal-konkrit u post abbandunat, issa nbidel fi spazju ieħor għall-familji.
F’din l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali, il-Mexxej Laburista indirizza wkoll attivitajiet taħt it-tinda f’Birżebbuġa u x-Xewkija, Għawdex.
Dan filwaqt li kellu laqgħat mal-komunità f’Ħal Tarxien.
Matul din il-ġimgħa kien hemm ukoll laqgħat man-nies mill-amministrazzjoni tal-partit u l-kandidati Laburisti kemm fil-Mosta u anki fil-Belt Valletta.