Il-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, iddeskriva l-ġimgħa tal-konferenza ġenerali annwali tal-Partit Laburista bħala l-ġimgħa li matulha l-Partit Laburista jkompli jiddiskuti u jfassal il-ġejjieni tiegħu u tal-pajjiż.
Fisser kif it-tema “Malta ta’ Għada” hija mnebbħa mill-fatt li l-Partit Laburista mhuwiex se jistrieħ fuq il-kisbiet li diġà għamel il-poplu Malti. Minn għada t-Tnejn sa nhar il-Ħadd id-delegati u l-attivisti tal-Partit Laburista għandhom ġimgħa ppakkjata ta’ attivitajiet li mbagħad iwasslu għaċ-ċelebrazzjoni kbira tal-1 ta’ Mejju fi Pjazza Tritoni. Din tkun ġimgħa ta’ entużjażmu kbir fejn is-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tinbidel f’arena ta’ diskussjoni ħajja. U d-diskussjoni ssir bil-għan li tagħmel differenza.“Il-poplu tana mandat biex inkomplu nwettqu l-viżjoni tagħna għal pajjiżna, u abbażi tar-riżultati li nkisbu rridu nkomplu naħdmu sabiex nibnu il-Malta ta’ Għada għal ġenerazzjoni li jmiss,” qal Daniel Micallef li rrefera għall-aħbarijiet pożittivi mil-lat ekonomiku u dwar il-faqar fl-aħħar jiem.
Tkellem kif il-Mozzjoni Malta ta’ Għada tirrikonoxxi l-kisbiet li saru. Iżda iktar minn hekk timmarka liema huma l-oqsma li fuqhom irid jiffoka iktar il-Gvern. “Il-programm elettorali li approvat din il-Konferenza ngħata fiduċja kbira mill-poplu, u llum huwa l-programm tal-Gvern għal din il-leġiżlatura; għalhekk aħna lkoll għandna l-obbligu li naraw li jitwettaq kif għamilna fil-leġiżlatura li għaddiet,” kompla l-President tal-Partit Laburista li rrimarka kif il-konferenża ġenerali għandha sservi ta’ kuxjenza għall-Gvern.
Irrefera għall-mod kif iridu jkunu diskussi wkoll l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà Maltija biex jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda.
“Is-sena li għaddiet iddiskutejna l-kwistjoni tal-kirjiet. Instigajna diskussjoni dwar suġġett li dwaru issa ħierġa white paper li għandha tbiddel l-affarijiet. Din is-sena se nħarsu lejn l-isfida ta’ riżors uman li għandu pajjiżna, fejn mhux jinstabu biżżejjed ħaddiema għax-xogħol li qed jinħoloq f’pajjiżna. Irridu nifhmu wkoll bis-serjetà l-impatt ta’ dawn il-ħaddiema jew in-nuqqas tagħhom. Għandna wkoll fuq l-aġenda l-isfida ta’ l-iskart. Irridu naraw u nifhmu x’se jkun is-sehem tagħna lkoll f’dan ir-rigward. Fiż-żewġ każi se nqanqlu d-diskussjoni bi preżentazzjoni li mbagħad tkun segwita b’dibattitu fost dawk preżenti b’panel ta’ persuni involuti direttament li mistennija jagħtu t-tweġibiet u jirreaġixxu,” żied Micallef. Il-konferenzi ser isiru t-Tlieta u l-Ħamis fis-6 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi.
Daniel Micallef tenna kif il-ġimgħa tal-konferenza ġenerali se jagħti bidu għall-perjodu bieżel għall-Partit Laburista fejn il-ġimgħat li ġejjin għandhom jaraw lill-partit jieħu inizjattiva wara l-oħra.
“Il-Partit Laburista, b’mod ċentrali u anke permezz tal-fergħat tiegħu, irid jibqa’ ħaj u jiġġedded minkejja li jkun fil-Gvern. Gvern suċċess għandu bżonn li l-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu,” temm jgħid Micallef.