Il-European Week of Sport hija inizjattiva tal-Kummisjoni Ewropeja sabiex tippromwovi l-isport u l-attivita fiżika fil-pajjiżi Ewropej. SportMalta hija l-entita nazzjonali li qed tikkoordina din l-attivita f’Malta li ser issir f’Settembru għar-raba’ sena konsekuttiva.
Għal dan il-għan saru serje ta’ laqgħat sabiex din is-sena l-parteċipazzjoni tkun mifruxa fost l-oqsma kollha tas-soċjeta.
Dawn il-laqgħat li bdew f’Mejju kienu mmexxija mis-CEO ta’ SportMalta Mark Cutajar flimkien mal-grupp organiżżattiv fejn fl-ewwel laqgħa kienu mistiedna l-organiżżazzjonijiet sportivi rreġistrati ma SportMalta, organiżżazzjonijiet tal-voluntarjat, sezzjonijiet taż-żagħżagħ u l-Kunsilli Lokali.
It-tieni laqgħa kienet immirata lejn il-ġurnalisti sportivi permezz ta’ l-Għaqda Ġurnalisti Sport li qed jaħdmu id f’id ma SportMalta sabiex il-messaġġ jasal għand kulħadd.
Fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju saret laqgħa Għawdex mal-Gozo Sports Board u l-organiżżazzjonijiet sportivi Għawdxin filwaqt li l-aħħar laqgħa saret ma l-għalliema ta’ l-edukazzjoni fiżika li jagħllmu fl-iskejjel primarji u sekondarji sabiex minn naħa tagħhom jimmotivaw l-istudenti sabiex jipparteċipaw.
Apparti l-attivita prinċipali marbuta ma din il-ġimgħa li ser issir fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq u l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera ser isiru żewġ attivitajiet kbar li huma il-European School Sports Day u l-attivita li ser issir matul il-lejl fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.