Il-Kamp Emerġenża Ambjent, ta ġimgħa ċans lill-MIDI biex jilħaq ftehim mal-gvern u jingħata aċċess għall-baħar ta’ madwar Manoel Island. L-għaqda, flimkien mal-Kunsill Lokali inġabru dalgħodu quddiem il-grada ta’ Manoel Island imħejjija biex jagħmlu ‘clean up’.
Madanakollu l-grada nżammet magħluqa mill-MIDI u għalhekk, l-attività sfaxxat. Xorta kienu l-mijjiet li nġabru fuq il-post juru l-appoġġ tagħhom. Andre Callus, mill-Kamp Emerġenża ambjent xejjen l-allegazzjonijiet tal-Kap Eżekuttiv tal-MIDI, Luke Coppini, li sar il-vandaliżmu l-ġimgħa li għaddiet meta daħlu bil-forza f’Manoel Island.
Callus stqarr li l-MIDI riedu li jsir il-vandaliżmu meta ħallew l-aċċess għal forti miftuħa. “Aħna tant inħobbu l-post li rridu li kulħadd ikollu aċċess għalih mhux il-ftit nies li għandhom il-flus” qal Callus li stqarr li d-drittijiet mgħandhomx ikunu innegozjati.
Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche saħaq li minkejja t-theddid fl-ittra tal-avukat tal-MIDI, li jittieħdu passi legali kontrih u l-kunsilliera, se jibqa’ għaddej bil-każ tiegħu. Fakkar li l-MIDI għadha ma weġbitx għall-protest ġudizjarju li sar mill-Kunsill Lokali. Filwaqt li rringrazzja lill-poplu Malti li ngħaqad mal-Gzirjani f’ din il-ġlieda għall-aċċess tal-baħar t’ art twelidhom.
Tkellimna kemm ma’ Andre Callus kif ukoll ma’ Conrad Borg Manche – segwi l-filmat.