Għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Dinji tax-Xitwa tas-Special Olympics 2025, li saret f’Turin, l-Italja, l-atleta Malti Gilmour Borg wassal messaġġ qawwi fejn fakkar dwar l-impatt tal-avveniment prestiġġjuż, jiġifieri dak tal-inklużjoni.
Hu kien magħżul biex iwassal il-messaġġ tiegħu fost għaxar messaġġiera li jirrappreżentaw ir-reġjuni kollha globali.

Fil-preżenza ta’ madwar 1,500 atleta b’diżabilità intellettwali, 1,000 kowċ u 2,000 voluntier, fost l-oħrajn, Borg ħeġġiġhom jaraw il-logħob bħala ċans li joħolmu kbir u juru l-abbiltajiet u t-talenti tagħhom.
Hu enfasizza li kull individwu preżenti għal dan il-logħob dinji għandu rwol vitali fil-ħidma ta’ dinja aktar inklussiva.
“Esperjenza sabiħa ħafna li jiena, bħala atleta tas-Special Olympics f’Malta, indirizzajt aktar minn 1500 atleta b’diżabiltà intelletwali fil-ftuħ tal-Winter World Games tas-Special Olympics. Il-messaġġ tiegħi kien ta’ tama u kuraġġ li biex nagħtu u nkunu l-aħjar li nistgħu u meta nkunu flimkien aħna qatt ma naqtgħu qalbna.”
Gilmour Borg, Atleta, Special Olympics
Special Olympics Malta qed tikkontribwixxi wkoll bis-sehem ta’ erba’ diretturi kliniċi bħala parti mill-programm ta’ ‘Atleti b’Saħħithom’.
Id-diretturi kliniċi Maltin qed joffru screenings b’xejn tal-għajnejn, awdjoloġija, dentistrija u saħħa emozzjonali, biex jappoġġjaw il-benesseri tal-atleti kollha parteċipanti f’dan l-avveniment, li se jibqa’ għaddej sas-16 ta’ dan ix-xahar.