Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio reġa’ qed jaffaċċja attakki mill-establishment fil-Partit Nazzjonalista kontra d-difiża mill-fazzjoni Delia.
Quddiem il-kwistjoni li Beppe Fenech Adami ħareġ li lmenta għal ibnu Edward dwar l-eżami tas-sewqan, f’tentattiv li l-establishment inessi ta’ Fenech Adami, l-attenzjoni marret fuq Giglio, l-avukat ta’ wieħed mill-akkużati, uffiċjal ta’ Transport Malta mixli b’irregolaritajiet separatament u differenti għal kollox mill-ilmenti li ngħaddew mill-Ministru Ian Borg mal-parametri tal-liġi.
Quddiem dan il-fatt, l-eks Kap Adrian Delia ħareġ jiddefendi lil Giglio, li huwa sintomatiku ta’ Oppożizzjoni li tilbes żewġt ikpiepel.
Adrian Delia: “Jekk xi ħadd mhux kapaċi bejn dak li jagħmel differenza bejn dak illi jgħid, jagħmel, jistqarr u jaġixxi l-politiku u dak li jipprattika avukat.”
Min-naħa l-oħra meta lil Beppe Fenech Adami qbadnih barra l-Parlament fejn iddefenda l-aġir li għamel imbagħad qal li ma għandux dettalji, meta kien mistoqsi dwar Giglio, li qed jiddefendi l-akkużat b’irregolaritajiet, Fenech Adami għamel kollox ħlief iddefenda lil Joe Giglio.
Ġurnalist: “Il-Kelliem għall-Intern jiddefendi lill-akkużati f’dan il-każ, komdu inti?”
BFA: Ma jweġibx u jidħol ġewwa.
Joe Giglio hu magħruf li jaqlagħa fuq rasu mill-establishment Nazzjonalista, bil-Kap Bernard Grech ibaxxi rasu għal min poġġih Kap u jkompli mad-diska kontra Giglio.
Hekk ġara fil-każ meta Giglio spiċċa attakkat minn Karol Aquilina wara kummenti li l-istess Giglio għadda fuq dubji dwar ir-Russa Maria Efimova.
Fuq dan, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kellu jbaxxi rasu għal dak li qalet Repubblika u l-establishment fil-Partit Nazzjonalista u saħaq li l-pożizzjoni tal-partit ma tirriflettix dak li qal Giglio dwar ir-Russa.
L-istess Giglio spiċċa wkoll imbarazzat mill-partit tiegħu stess meta permezz ta’ stqarrija dan għajru bħala Avukat li qed jiddefendi tender maħmuġ għax qed jidher għal min biegħ dgħajjes lil Transport Malta li ma kinitx sodisfatta bihom u li din l-istess Awtorità ma ħallsitx għalihom minħabba f’hekk.
Għal Giglio l-uniku ħajt tal-kenn hu biss mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia, l-uniku waħda anki jekk ma għandhiex is-saħħa li tisfida lill-establishment fil-Partit Nazzjonalista li jmexxi wkoll lill-Kap minn imnieħru.