Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio ħareġ ukoll pubblikament kontra l-attakk tal-Kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina fuq l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
F’kitba fuq Facebook, Joe Giglio qal li bħala Membri Parlamentari għandhom id-dmir li jkunu ta’ eżempju f’kull ħin.
Dan f’botta ċara lejn il-Kap de facto Karol Aquilina. L-istess Aquilina li fl-aħħar ġimgħat iddiżrispetta l-Ispeaker tal-Parlament. Dan meta l-ewwel qal lill-Ispeaker, li ma jafx kemm huwa jaħseb u t-tieni darba meta qallu biex ikeċċih mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż bil-Pulizija.
Il-kitba ta’ Giglio ġiet approvata mill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li għamel like fuq din il-kitba.
L-eks Kap Nazzjonalista huwa parti minn grupp li ma qabilx mal-attakki fuq l-Ispeaker u warajh hemm nies bħad-deputat Nazzjonalista Alex Borg.
ONE News jinsab informat li l-istess deputat Nazzjonalista Joe Giglio, flimkien ma’ Ivan J. Bartolo, nhar it-Tnejn li għadda, ma kienux jafu bl-iżvilupp li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kien se jitlaq ’il barra mill-Parlament.
Dan hekk kif Giglio ċempel lil xi ħadd u nstema jgħid “ara tibgħatu messaġġ ta, li se tkunu ħa titilqu.”
B’dan juri ċar il-qasma li hemm fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, speċjalment bejn dawk li jaqblu mal-Kap de facto Karol Aquilina u dawk li huma akkostakollox kontra Aquilina u l-estremiżmu tiegħu.