Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ lill-ġurnalisti għal konferenza tal-aħbarijiet quddiem id-Depot tal-Pulizija.
Dan biex jikkritika l-ħidma tal-gvern fis-settur tal-intern u l-ġustizzja.
Biex għamel dan kwota l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, iżda meta mistoqsi fuq stħarriġ li m’għoġbux ir-riżultat tiegħu, spiċċa jħawwad il-fatti.
Joe Giglio qal li l-Maltin m’għandhomx fiduċja fil-Pulizija, iżda l-Ewrobarometru ppubblikat ftit tal-ġimgħat ilu wera li 70% tal-Maltin għandhom fiduċja fil-Pulizija. Mistoqsi dwar dan, Giglio qal li dan sar f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Iżda, il-verità hi li dan kien ippubblikat fi Frar li għadda.
Affaċċjat b’dan u bil-fatt li ma jafx il-fatti, Joe Giglio tgerfex u minflok tkellem dwar il-fatti, qal li dan sar mal-Ewropa kollha.
“Bir-rispett kollu, l-Ewrobarometru li int qed tirreferi għalih huwa wieħed li sar b’mod ġenerali madwar l-Ewropa kollha.”
Fil-fatt, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru li skont id-Deputat Nazzjonalista huwa antik, iżda li fil-verità ħareġ fl-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena, sar mal-popli kollha fl-Unjoni Ewropea, u juri kambjament qawwi fil-fiduċja tal-poplu Malti fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin.
Filwaqt li l-fiduċja tal-Maltin fil-Korp hija ta’ sebgħin fil-mija, popli oħra bħal tal-Bulgarija għandhom biss sebgħa u erbgħin fil-mija fiduċja fil-Korp. Fil-Polonja, il-fiduċja fil-Korp hija biss ta’ wieħed u erbgħin fil-mija, filwaqt li fl-Islovakkja, il-Pulizija jgawdu biss sitta u erbgħin fil-mija tal-fiduċja tal-poplu.