Skont sorsi li jafu sew x’qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista, id-Deputat Joe Giglio qed jilgħab il-logħba magħrufa sew fl-istrutturi tad-Dar Ċentrali: li jipprova jingħoġob ma’ dawk tal-establishment bit-tama li ma jerġax jispiċċa fil-mira tal-attakki tagħhom.
Fil-ħarġa tal-lum, il-gazzetta KullĦadd innutat li dan ħareġ l-aktar ċar nhar il-Ġimgħa filgħodu waqt li, flimkien mad-Deputat tal-establishment Karol Aquilina, indirizza konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.
Dakinhar, Giglio rrepeta l-politika fqira ta’ Bernard Grech u l-establishment Nazzjonalista, li jridu jibagħtu lill-Prim Ministru Robert Abela l-ħabs.
Fl-istess konferenza, ġurnalist ta’ ONE News staqsa lill-avukat Giglio biex jikkonferma jekk, fl-inkjesta maġisterjali dwar l-isptarijiet, hux qed jidher għal xi partijiet involuti.
Viżibbilment skomdu, Giglio pprova jaħrab milli jwieġeb billi rrefera għas-sigriet professjonali. Karol Aquilina, li kien bilqiegħda maġenbu, ukoll deher skomdu quddiem din is-sitwazzjoni.
Is-sorsi fil-PN qalu lill-KullĦadd li r-relazzjoni bejn Giglio u Aquilina mhix tajba, l-istess kif kienet qabel l-elezzjoni ġenerali, meta tal-establishment kienu ħassewhom mheddin bil-kandidatura tiegħu. Fil-fatt, attakkawh kemm-il darba, anke jekk indirettament, dwar is-sehem tieghu f’każijiet bħal dawk tal-Bank Pilatus.
Fost dawk li kontinwament jitfgħu l-botti lejn Giglio hemm l-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li hu qrib ħafna tal-establishment.
L-istess sorsi komplew jgħidu lill-gazzetta KullĦadd li Giglio qed jipprova jingħoġob mal-establishment bit-tama li ma jattakkawhx, iżda se jarralu għax dawn m’għandhom l-ebda simpatija lejh. Is-sorsi saħqu li, jagħmel x’jagħmel Giglio, l-ebda tentattiv mhu se jirnexxilu jiskansah milli jkun fil-mira tagħhom.
Sorsi oħrajn spjegaw li Giglio għandu ambizzjonijiet politiċi kbar, imma tal-establishment deċiżi li ma jħalluhx javvanza pass.