Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio kkonferma l-ġlied li nqala’ fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista f’chat ta’ What’s App, fil-jum meta kien hemm l-għadd tal-voti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fin-Naxxar.
Il-ġlied inqala’ primarjament bejnu u d-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello tant li l-Kap Bernard Grech kellu jipprova jikkalma s-sitwazzjoni li fil-fatt ma rnexxielux u l-Whip Robert Cutajar għalaq il-group chat.
Il-ġlied qam wara botta u risposta bejn Giglio u Borg Bonello fuq attitudnijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Dawn iċ-chats li jixhdu l-ġlied żvelat mil-Lovin Malta ġew ikkonfermati minn Giglio stess meta kien mistoqsi minn ONE News.
ĠURNALIST: “Dan l-aħħar ġew żvelati chats tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista, propju fid-9 ta’ Ġunju li għadda. Għalfejn għedt int Dr Giglio lil Eve Borg Bonello “how sad”?
JOE GIGLIO: “Dawn iċ-chats, kienu chats ġewwa What’s App group li fih innifsu jeħtieġ li wieħed jirrispetta l-kunfidenzjalita dwarha.”
Fl-istess tweġiba li ta lil ONE News, Joe Giglio wkoll attakka u bbottja wkoll lil min kixef u xerred din iċ-chat lil Lovinmalta mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista.
“Issa jekk kien hemm min dehrlu li kellu jilleakja dawk iċ-chats, dik hi ċertament li mhux ħa nagħmel jien.”
Il-Ħadd 9 ta’ Ġunju, fi group chat tal-grupp Parlamnentari Nazzjonalista, Giglio tefa’ artiklu tal-Lovinmalta b’ritratt ta’ Borg Bonello fil-Parlament b’karta mwaħħla mal-laptop tagħha taqra “Daphne kellha raġun”.
Pront tkellem l-eks Kap Adrian Delia, li għamel żewġ sinjali ta’ mistoqsija, li bihom qajjem l-irwiefen.
Giglio wieġeb li l-Partit Nazzjonalista mar aħjar, b’referenza għar-riżultat elettorali, iżda li l-gimmicks ma għenux.
Dan b’botta ċara lejn Eve Borg Bonello.
Giglio żied jgħid li rridu nifhmu li ħadd mhu akbar mill-Partit Nazzjonalista.
“Hawn min jibqa’ sieket, imma jien nitkellem bil-libertà kollha, għax m’għandix bżonn il-politika”, żied jgħid Giglio.
M’għaddiex ħafna ħin li ma qamitx Borg Bonello twieġbu u b’mod sarkastiku qaltlu li l-wirja tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġiet bis-saħħa tiegħu.
Giglio wieġeb bil-kliem, “How sad.”
Imbagħad qamu oħrajn jgħidu li għajjew jaraw lill-Partit Nazzjonalista moħħu fis-selfies u talab lil Borg Bonello żżomm postha, għax għadha żgħira.
Borg Bonello reġgħet qamet u qalet: “Forsi xi ħadd ifakkarni min ma jiħux selfies.”
Iż-żewġ naħat komplew jitgħajru, tant li mbagħad il-Whip għalaq iċ-chat.