Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio ddefenda l-parir li ta lil Daniel Joseph Meli, iż-żagħżugħ akkużat li biegħ malware fuq id-dark web biex jintuża għal hacking fuq ċittadini Amerikani.
Wara li l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Bernard Grech u Karol Aquilina spiċċa jattakka pubblikament lid-Deputat tiegħu stess Joe Giglio, dan tal-aħħar tkellem mal-Maltatoday.
Ironikament Giglio għamel tiegħu l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li attakkatu, iżda mbagħad iddefenda l-parir li ta lil Meli biex jaċċetta li jiġi estradit biex jaffaċċja l-akkużi kriminali fl-istat ta’ Georgia.
Mal-Maltatoday Giglio qal li hu ma tax parir ħażin lil Meli biex jaċċetta minn jeddu l-estradizzjoni u dan għamlu fosthom fid-dawl tar-rieda ta’ Meli li jikkopera mal-investigaturi.
Fil-parir li ta Giglio lil Meli, li minn xhieda fil-Qorti jidher li dan tahulu f’telefonata sempliċi ta’ nofs siegħa u mhux wiċċ imb’wiċċ id-Depot, Giglio qal lil Meli biex dan jaċċetta l-estradizzjoni u li jista’ jeħel sa ħames snin ħabs.
Jirriżulta li bl-akkużi li Meli hu akkużat wara investigazzjoni mill-FBI li tmur lura anki għal attivitajiet allegatament illegali minn Meli, li jmorru lura għal 12-il sena, iż-żagħżugħ jista’ jeħel ħabs id-doppju ta kemm kien qed jistma’ Giglio.
Sussegwentament Meli biddel lil Giglio fid-difiża tiegħu u ħatar avukati ġodda fejn qed jappella mill-estradizzjoni.
Intant minn wara l-kwinti Giglio jinsab irrabjat li spiċċa mbarazzat mill-partit tiegħu stess, li fi stqarrija qal li l-estradizzjoni ta’ Meli hi inaċċettabbli.
Dwar dan il-Gvern anki tkellem mal-familja ta’ Meli, li qed tappella biex l-akkużat ma jkunx estradit anki jekk inizjalment Meli għażel li jiġi estradit fuq parir ta’ Giglio.
Il-Gvern qal li wieħed għandu jirrispetta deċiżjonijiet tal-Qrati u ftehim li sar bejn il-Gvern Malti fl-2006 u l-Gvern Amerikan dwar estradizzjoni ta’ ċittadini bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Gvern talab lill-Oppożizzjoni biex tapprezza dawn il-kumplessitajiet legali u qal ukoll li qed jevalwa kull mezz fil-parametri legali u anke oħrajn biex min kiser il-liġi f’Malta jaffaċċja l-ġustizzja f’Malta.
Dan filwaqt li se jkun qiegħed jassigura salvagwardji aktar b’saħħithom fil-proċedura fejn persuna tagħti volontarjament il-kunsens tagħha għall-estradizzjoni.
Intant mhux l-ewwel darba li Giglio spiċċa fil-mira tal-partit tiegħu stess.
Meta kien qed jiddefendi l-interessi ta’ klijenti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista għajru li qed jiddefendi tender maħmuġ.
Dan meta Giglio ddefenda kumpanija li forniet dgħajjes lil Transport Malta u li l-Awtorità ma kinitx kuntenta bihom tant li ma ħallsitx għalihom u hemm proċeduri fuq dan il-każ.
Giglio baqa’ jiddefendi l-interessi tal-kumpanija li l-Partit Nazzjonalista spiċċat toħroġ stqarrijiet pubbliċi fil-każ u fl-istess ħin timbarazza lil Giglio.