Il-kantant-awtur ikoniku Taljan Gigi D’Alessio se jagħti kunċert f’Malta, f’dak li qed jissejjaħ kunċert indimentikabbli, li fih se tiddebutta l-Orkestra Versatile, taħt id-direzzjoni tal-Maestro Paul Borg.
Dan l-avveniment mużikali se jsir is-Sibt 23 ta’ Marzu fil-Malta Fairs and Conventions Centre, l-MFCC, f’Ta’ Qali, u jagħmel parti mill-VERNALFestival, li hu appoġġjat minn VisitMalta.
D’Alessio jġib miegħu tliet diċenji ta’ suċċess, kemm bħala kantant, kittieb, kompożitur, produttur tad-diski u showman per eċċellenza u hu meqjus bħala pilastru tax-xena tal-mużika Taljana.
Bi 30 miljun diska jew album mibjugħin f’pajjiżu u lil hinn, is-suċċessi tiegħu jinkludu tliet albums, li ngħataw ir-rikonoxximent ‘diamond’ għall-bejgħ ta’ iżjed minn għaxar miljun kopja, aktar minn 100 diska ‘platinum’ għax biegħu iżjed minn miljun kopja, u bosta diski tad-deheb għal bejgħ li jaqbeż il-ħames mitt elf kopja-l waħda.
Versatile, isem rinomat fl-industrija tad-divertiment lokali, tiġbed l-attenzjoni mhux biss tal-Maltin, iżda wkoll internazzjonalment.
Fil-fatt, l-Orkesta Versatile għadhom kif irritornaw minn prestazzjoni f’Monaco, fejn ġew mistiedna juru t-talenti tagħhom f’konferenza prestiġjuża. Issa se tiddefinixxi mill-ġdid l-esperjenzi mużikali tagħha mhux bi brass band, imma bid-debutt tal-Orkestra Versatile.
Fi stqarrija maħruġa mill-organizzaturi, intqal li l-kunċert ta’ D’Alessio mal-Orkestra Versatile mhux biss iwiegħed prestazzjoni elettrifikanti.
Għal aktar tagħrif u biljetti wieħed jista’ jżur is-sit showshappening.com.