Il-Malta Libraries irreġistrat żieda oħra fis-self ta’ kotba fiżiċi mil-libreriji pubbliċi għar-raba’ sena konsekuttiva. Dan wara li, kawża tal-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet imposti, kien hemm tnaqqis sostanzjali f’self simili bejn l-2019 u l-2020.
Madankollu f’dawn l-aħħar snin, din l-attività taħt id-Dipartiment tal-Libreriji, reġa’ qabad ritmu tajjeb u n-numri qed jerġgħu jibdew telgħin ’il fuq.
Din l-aħbar ġiet wara li fl-2023, l-ammont ta’ kotba fiżiċi li ġew mislufa mil-libreriji pubbliċi kien jammonta għal 685,469. Dan juri qabża ta’ madwar tmienja u sittin elf ktieb fuq l-2020.
B’kollox, bejn l-2016 u l-2023, ġew mislufa mas-sitt miljuni u nofs ta’ kotba mil-libreriji, li jinkludu, fost l-oħrajn, lil-Librerija Pubblika Ċentrali ta’ Malta u Għawdex u l-libreriji reġjonali lokali li nsibu fl-ibliet u fl-irħula tagħna.
Fl-2023, il-Malta Libraries rat 8,188 membru ġdid, bil-maġġoranza fi tfal taħt it-18-il sena. Ta’ kull sena, l-ammont ta’ membri ġodda varja, iżda l-figura ta’ 8,188 membru hi l-ogħla waħda rreġistrata mill-2016 lil hawn.
Is-servizz tal-kotba diġitali permezz tal-LibbyApp, li beda jopera mill-2016, ukoll qabad ritmu tajjeb, tant li fl-aħħar seba’ snin kien hemm żieda konsiderevoli fis-self ta’ kotba diġitali.
Filwaqt li fl-2016, in-numru ta’ kotba diġitali, li ġew mislufa, kien jammonta għal ftit aktar minn tlett elef, skont informazzjoni li għandu ONE News, dan in-numru tela’ għal iżjed minn tmienja u ħamsin elf is-sena l-oħra.
Minn din is-sena, din l-app se tibda tinkorpora fiha wkoll kotba bil-Malti.