F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi se tkun qed issir it-tieni edizzjoni tal-Ballu tal-Granmastru, Carnevale, nhar is-Sibt 10 ta’ Frar. F’din is-serata ta’ arti Barokka, dawk li jattendu se jesperjenzaw pranzu rikk 4-course, segwit mill-ballu b’divertiment ta’ mużika live.
Din hi t-tieni sena konsekuttiva li qed isir il-ballu, wara li l-edizzjoni tas-sena l-oħra kienet waħda ta’ suċċess u anke attirat nies minn barra minn xtutna.
Id-Direttur Artistiku Ryan Paul Abela, responsabbli mill-ballu, spjega li fost il-mużika live li se tindaqq se jkun hemm varjazzjoni li tinkludi s-sehem ta’ string quartet, mużiċista bl-arpa u anke sopran.
Kull min hu mħajjar jattendi jista’ jikseb il-biljetti minn fuq il-websajt showshappening.com jew inkella jagħmel kuntatt fuq 25595750 jew 21243840. Min se jattendi hu mħeġġeġ jilbes kostum tal-Karnival stil Barokk jew black tie flimkien ma’ maskra Venezjana.