Ġimagħtejn ilu għadda mill-Parlament l-att dwar il-koabitazzjoni. Liġi li tirrikonoxxi uffiċjalment familji li jikkoabitaw, mingħajr ma jkunu miżżewġin jew f’unjoni ċivili.
L-att dwar il-koabitazzjoni se jipproteġi u jagħti aktar drittijiet lill-koppji li jgħixu flimkien.
Huwa stmat li f’pajjiżna mal-erbat elef koppja f’relazzjoni, la huma miżewwġa u lanqas f’unjoni ċivili, u jidher li huma f’koabitazzjoni iżda ma marrux jifformulaw ir-relazzjoni tagħhom quddiem nutar skond l-att tal-elfejn u sbatax dwar il-koabitazzjoni.
Dawn il-koppji u oħrajn issa jistgħu jmorru quddiem nutar pubbliku u jidħlu f’koabitazzjoni.
Fi żmien għoxrin jum minn meta n-nutar jinsinwa l-att pubbliku, r-reġistru pubbliku joħroġ ċertifikat ta’ koabitazzjoni, bil-koppja tiġi rikonoxxuta mill-istat li hi f’koabitazzjoni.
Il-liġi tagħti drittijiet daqs koppji li huma miżewwġin u sħab f’unjoni ċivili. Fosthom id-dritt illi tieħu kull deċiżjoni dwar il-kura medika tal-koabitant.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis tkellem dwar l-impenn tal-gvern li joħloq soċjeta moderna u miftuħa għal kulħadd.
Huwa qal: “Gvern li jaħseb f’kulħadd għax f’pajjiżna ħadd mhu tat-tieni klassi.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar qalet li permezz ta’ dan l-att tneħħew l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni.
Hija stqarret: “Illum mixed families hija realtà allura aħan qegħdin nirrikonoxu dawk il-koppji li jgħixu flimkien.”
Intant, dwar id-diskriminazzjoni fil-mod ta’ kif jitniżżlu d-dettalji fil-kuntrati fil-konfront tal-mara, il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar stiednu mill-ġdid lill-Oppożizzjoni biex tingħaqad magħhom fi proċess ta’ konsultazzjoni, bil-għan li tiġi eliminata kull forma ta’ diskriminazzjoni.