Sal-aħħar t’Ottubru li għadda, in-numru ta’ tfal taħt il-kura tal-istat kien ta’ mitejn u wieħed u disgħin.
Biex tifel jew tifla jitpoġġew taħt il-kura tal-istat, tittieħed deċiżjoni mill-ħaddiema soċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, li jagħrfu li l-kura li kapaċi joffri l-istat hija aqwa minn dak li tkun qed toffri l-familja.
Id-Direttur ta’ dan id-Direttorat, Steve Libreri spjega ma’ ONE News kif ħafna mill-każijiet isiru magħrufa wara rapporti ta’ traskuraġni jew abbuż lit-tfal, li jista’ jkun fiżiku, sesswali jew psikoloġiku: “Ġieli niltaqgħu ma’ tfal li lanqas għandhom struttura ta’ iġjene, li jridu jgħixu ġo dar maħmuġa, li m’hemmx kultura ta’ ndafa, li ma jinħaslux, il-ħwejjeġ tagħhom ma jkunux maħsula, għandna babies pereżempju li t-traskuraġni tal-ġenituri tagħhom twassal biex in-nappies ma jinbidlux jew forsi anki jitmgħuhom ikel li jkun imħassar jew ma jitmgħuhom xejn, jiġifieri l-ispectrum tat-tfal lokali huwa pjuttost mifrux.”
Hemm grupp ta’ tfal oħra li ma jsofrux azzjonijiet diretti imma jkunu qed ibatu minħabba ċ-ċirkostanzi tal-ġenituri tagħhom.
Libreri sostna: “Dawn it-tfal ikunu jafu jew ikunu esposti għall-ġlied. Issa meta qed ngħid ġlied ifisser vjolenza domestika, bejn il-ġenituri per eżempju fejn ikollok missier li jsawwat lill-omm quddiem it-tfal. Dawk kollha huma esperjenzi tossiċi għat-tfal, jew forsi tfal li jkunu qegħdin jesperjenzaw lill-ġenituri tagħhom f’sakra liema bħalha kuljum.”
Mit-tfal li jinsabu taħt il-kura tal-istat bħalissa, mija u tnejn u erbgħin jinsabu f’foster care, disgħa u tmenin fi djar residenzjali, ħamsa u tletin fi djar fil-komunità, tlett itfal qed jattendu programm residenzjali u tnejn u għoxrin oħra qegħdin fil-proċess li jerġgħu jingħaqdu mal-familja bijoloġika tagħhom.
Hu x’inhu l-ambjent li fih tingħata l-kura alternattiva, Libreri saħaq li l-istat għandu l-obbligu li joffri kura tajba daqs dik li tingħata f’familja mingħajr dawn l-isfidi soċjali.
Spjega li l-Gvern qiegħed kontinwament jinvesti biex is-servizz ikun tal-ogħla livell: “Kieku kellek tħares lejn id-djar residenzjali llum u tqabbilhom ma’ dak li kien jiġu pprovdut ħamsin sena ilu bil-famużi stituti, ħa tinnota qabża kbira. Ħa tinnota żvilupp qawwi, jiġifieri kulħadd, servizzi tal-istat, servizzi tal-NGOs, servizzi tal-Knisja, huwa kommess biex lil dawn it-tfal vera nagħtuhom option aħjar ħalli ntejbulhom il-kundizzjoni tal-ħajja tagħhom mhux inħalluhom imwaħħlin fejn kienu.”
It-tfal jistgħu jibqgħu taħt il-kura tal-istat sal-età ta’ tmintax-il sena.
F’ċertu każijiet, jinħass il-bżonn ta’ permanenza imma l-għan dejjem jibqa’ li l-familji jingħataw l-għajnuna li jkollhom bżonn biex jerġgħu jingħaqdu flimkien.
Libreri temm jgħid: “Ikun hawn ħafna familji li jirnexxilhom jieħdu l-għajnuna mis-servizzi soċjali u mis-servizzi psikoloġiċi u jirnexxilhom jitjiebu u allura jkunu jistgħu jieħdu lit-tfal lura. Aħna dak l-iskop ewlieni tagħna, li nirrintegraw lill-familji u nżommuhom flimkien.”