Ġie ppubblikat ir-rapport minn Sue Gray, uffiċjal għoli fis-servizz pubbliku tar-Renju Unit, dwar il-festini fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Brittaniku, Boris Johnson.
Ir-rapport ħareġ sitt xhur wara li l-gazzetta Ingliża ‘Mirror’ irrapportat allegazzjonijiet li, waqt il-lockdown tal-Covid-19 fir-Renju Unit, saru festini f’10 Downing Street li marru kontra l-protokolli imposti dak iż-żmien fi sforz biex tipi kkumbattuta l-pandemija.
Ir-rapport ikkonkluda li l-Prim Ministru tar-Renju Unit għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għal għemilu u għal għemil dawk qrib tiegħu.
Kienu sittax-il festini li ġew investigati u analizzati fir-rapport, bi wħud minnhom joħorġu fil-midja, fosthom b’ritratti u filmati li juru festini bl-inbid u l-pizza.
F’dawn il-festini allegatament kien hemm ġlied bejn il-mistednin kif ukoll nies li qalgħu dak li kienu kielu.
Sue Gray, uffiċjal għoli fi ħdan is-servizz pubbliku tar-Renju Unit li ħejjiet ir-rapport, irrimarkat li dawn il-festini juru nuqqas ta’ rispett lejn l-eletturi li kienu qegħdin f’lockdown minħabba l-pandemija. Hija ddeskriviet bħala inaċċettabbli l-imġiba f’dawk fil-festini wara li mistednin ittrattaw ħażin lil ħaddiema li kien hemm fl-uffiċċju ta’ Johnson.
Gray irrimarkat ukoll li din ma kinitx il-prassi tal-Gvern tar-Renju Unit u li dan l-iskandlu m’għandux jitfa’ dell ikrah fuq dawk kollha li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku għax tul il-pandemija l-maġġoranza tagħhom ħadmu qatigħ.
B’kollox ngħataw 126 multa lil dawk li kienu fil-festini, fosthom lil mart Johnson u lill-Kanċillier tar-Renju Unit.
Fid-dawl ta’ dan kollu, rapporti fil-midja qed jgħidu li l-iskandlu jaf ikollu riperkussjonijiet serji fuq il-Partit Konservattiv ta’ Johnson, li jista’ saħansitra jaffaċċja theddida għat-tmexxija tiegħu.
Diversi esponenti politiċi u personalitajiet qegħdin jitolbu r-riżenja immedjata ta’ Johnson, bil-pressjoni tiżdied wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport.