Kurt Scicluna kien imwiegħed li jieħu s-somma ta’ mija u ħamsin elf ewro biex joħroġ id-droga mill-Port Ħieles, skont xhieda li ta l-Ispettur Mark Mercieca, wara li dalgħodu bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-provi kontra r-raġel ta’ wieħed u tletin sena miż-Żejtun mixli li kien parti minn ċirku ta’ kriminalità.
Il-każ jittratta l-qabda ta’ 146 kilogramma kokaina fi trailer waqt li dan kien se jħalli l-Port Ħieles.
L-Ispettur Mercieca kompla li bejn Scicluna u Roderick Camilleri, akkużat ieħor fil-każ, saru diversi telefonati kif ukoll messaġġi. Hawnhekk Camilleri jgħid lil Scicluna li rnexxielu jiġborlu tliet xkejjer mill-kontejner u talbu indirizz fejn se jwassallu d-droga.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur qal li l-ħbiberija bejn dawn it-tnejn bdiet f’ħanut tat-tè, fejn Camilleri talab lil Scicluna joħroġlu xi merkanzija illegali. Darba minnhom, saħansitra talbu jiġborlu aktar merkanizja u li, jekk jagħmel hekk, kien se jagħtih mija u ħamsin elf ewro.
Tlett ijiem qabel is-sejba, Scicluna bagħat lil Camilleri biex jgħidlu li d-droga waslet, b’dan iwieġbu u jitolbu biex jiġbed filmat hu u jiftaħ il-kontejner.
Sadanittant it-Tnejn filgħodu wkoll bdiet il-kumpilazzjoni separata fil-konfront tal-istess Camilleri u Darren Dimech, it-tnejn mixlijin bi traffikar u importanzzjoni ta’ droga.
F’din il-kumpilazzjoni xehed uffiċjal tas-sigurtà li kien xogħol dakinhar fejn qal li malli wasal it-trailer, li fuqu kien hemm id-droga, talbu lix-xufier u lill-passiġġier biex jinżlu. Kien hawn li ntlemħu l-ixkejjer wara s-seats.
Meta l-uffiċjali tas-sigurtà staqsew liż-żewġt irġiel dwar l-ixkejjer, dawn wieġbu “xejn”.
Sussegwentement ġie informat l-uffiċjali ta’ fuqhom dwar is-sejba u meta mar jara b’għajnejh, ċemplu lill-Pulizija.