Ġie mniedi l-proġett ISPORT, intenzjonat biex jiżviluppa parasport għal tfal u żgħażagħ għomja jew bi problemi tal-vista.
Il-proġett ISPORT hu kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Paralimpiku Malti u The Malta Trust Foundation.
F’konferenza tal-aħbarijiet, atleti għomja jew jewb’nuqqas ta’ dawl kellhom l-opportunità li jipprovaw diversi Blind u VI Para Sports fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, fejn ġew offruti l-Blind Futsal, il-qdif fuq ġewwa, l-atletika, il-ġudo, u anke l-għawm.
Għal ħafna minn dawn l-individwi, din kienet l-ewwel darba li qatt ipparteċipaw fl-isport u f’attivitá fiżika.
Iċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li dan il-pass għal The Malta Trust Foundation kien wieħed naturali għax riedu jkomplu jaħdmu favur tfal u żgħażagħ b’diżabilità. Hija qalet li ISPORT għandu jservi ta’ opportunita oħra biex tfal u żgħażagħ b’diżabilità jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.
Min-naħa tal-Kumitat Paralimpiku Malti, is-Segretarju Ġenerali Julian Bajada enfasizza li l-proġett ISPORT jimmarka fażi ġdida għall-iżvilupp ta’ parasport f’Malta.
Għal aktar informazzjoni, individwi interessati jistgħu jikkuntattjaw lill-Kumitat Paralimpiku Malti fuq maltaparacom@gmail.com jew lil T The Malta Trust Foundation fuq info@maltatrustfoundation.org.