Missier ta’ 38 sena ġie lliberat wara li kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq ibnu b’daqqa ta’ kitla.
Meta beda jinstema’ l-każ il-membri tal-familja u l-allegat l-vittma għażlu li ma jixhdux kontra l-missier u għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ddeċidiet li ma kienx hemm provi biżejjed biex il-missier jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
L-Ufficjal Prosekutur l-Ispettur Eman Heyman u t-tabiba Joanna Thompson xehdu fil-Qorti ġie rrapurtat li kien hemm argument bejn l-iben u l-missier.
Waqt l-interrogazzjoni t-tifel spjega li waqt l-argument ma’ missieru, missieru tah daqqa ta’ kitla fuq rasu u sofra xi ġrieħi. Dr. Joanna Thompson, tabiba mil-Paola Health Centre, qalet li l-vittma kellu jagħmel żewġ punti f’rasu.
Il-Qorti qalet li fin-nuqqas ta’ xhieda, anke tal-istess vittma u xhieda oħra, l-imputat ma jistax jinstab ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-atti ta’ din il-kumpilazzjoni jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali fiż-żmien stipulat bil-liġi, flimkien mal-oġġetti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-każ.