Ġie inawgurat proġett ta’ tisbiħ fi Ġnien Toni Vella fin-Naxxar, li kien possibbli permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi taħt skema tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Dan it-titjib hu t-tieni wieħed tax-xorta tiegħu għall-istess ġnien, hekk kif ħames snin ilu kienu saru rinnovazzjonijiet fuq il-bandli, waqt li l-grawnd tal-futbol sar kompletament mill-ġdid komplut b’xibka madwaru.
Is-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, saħqet li proġetti bħal dawn, flimkien ma’ proġetti oħrajn, huma parti minn ħolqa ta’ katina twila t’inizjattivi u proġetti li saru tul dawn l-aħħar ħames snin.
F’kumment lil ONE News, hi sostniet kif dawn il-proġetti għandhom lok fil-komunità ħalli jitgawdew aħjar mill-pubbliku u r-residenti Naxxarin.
“Aħna bħala Naxxar dejjem għedna f’din il-leġiżlatura li nagħmlu ħafna spazji miftuħa. Ma tantx għandna minn fejn nagħżlu allura l-ftit li għandna inkomplu ninvestu għar-residenti tagħna. Hu importanti li t-tfal ikun hemm fejn jiżvogaw u allura aħna qed ninvestu f’dawn l-ispazji miftuħa ħalli jitgawdew min-Naxxarin.”
Anne Marie Muscat Fenech Adami – Sindku Naxxar
Is-Segretarjau Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħret xogħol il-Kunsill li qed jagħmel użu mill-iskemi li qed joħorġ il-Gvern. Hi żiedet tgħid kif in-Naxxarin se jkunu jistgħu jgawdu minn ambjent aħjar f’dan il-ġnien.
“Grazzi għall-iskema dwar titjib jew żvilupp ta’ playing fields fil-lokalitajiet, in-Naxxarin illum għandhom dan l-ispazju sabiħ u miftuħ ftit ’il bogħod minn fejn jgħixu. U għalhekk, iva, il-Gvern ikompli jinvesti u jagħti r-riżorsi meħtieġa lill-kunsilli lokali, għax huma l-kunsilli lokali li jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti tagħhom.”
Alison Zerafa Civelli – Segretarju Parlamentari
Is-Segretarju sostniet kif investimenti bħal dawn fil-lokalitajiet tagħna juru l-ħidma kontinwa ta’ Gvern Laburista.
“Il-Gvern jibqa’ jimpenja ruħu, jemmen fil-potenzjal tal-kunsilli lokali u jibqa’ jsostni lill-kunsilli lokali biex ikollna aktar proġetti li, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu r-residenti li jgawdu minnhom.”
Alison Zerafa Civelli – Segretarju Parlamentari