Ġie mniedi il-proġett Culture on Wheels b’kontribuzzjoni ma’ ALS Malta + fejn għandu l-għan li jagħmilha aktar faċli għall-persuni li għandhom diffikulta’ ta’ mobilta’ sabiex iżuru postijiet kulturali fil-gżejjer Maltin.
Il-moħħ wara dan il-proġett kien Joe Debono, attur komiku u kittieb magħruf fuq il-midja soċjali partikolarment fuq it-televiżjoni, speċjalment għall-karattru popolari ta’ James Bondin. Huwa kellu għal qalbu l-kultura Maltija u dejjem kien jorganizza attivitajiet kulturali.
Joseph Debono marad bl-ALS f’Marzu tal-2020, iżda din il-kundizzjoni ma fixklitux milli jikkontribwixxi għall-benessri tas-soċjetà. F’bosta okkażjonijiet, Joseph uża wkoll il-midja soċjali biex jaqsam għarfien dwar din il-kundizzjoni, u fl-istess ħin serva ta’ ispirazzjoni biex jgħin lil persuni oħra li jgħaddu minn xi forma ta’ tbatija fil-ħajja.
Waqt attivita’ li ġiet organizzata ġewwa l-Imdina, ingħata ġieħ mistħoqq lil Joe Debono, fejn il-familja u ħbieb ta’ Joe tkellmu dwar ir-rieda li kellu li jkompli jgħin lil ħaddieħor għalkemm fis-siġġu tar-roti.
ONE News tkellem ma’ Louisa Agius, li tagħmel parti mit-tim ta’ Culture On Wheels dwar il-benefiċċji ta’ dan il-proġett innovattiv għal Malta.
“Dan il-proġett kien imniedi, kien maħsub minn Joe Debono li meta sab ruħu bil-marda tal-ALS u qiegħed ġo wheelchair u hu kien gwida turistika ġietu l-idea li nies li qegħdin fuq wheelchair jew fuq siġġu tar-roti m’għandhomx aċċess għall-kultura Maltija u ried joħloq dan il-proġett fejn hu jigwida joħloq tours għal dawn in-nies li jkunu fil-wheelchair. L-idea tiegħu kienet li jmexxihom hu però sfortunatament il-vuċi tiegħu marret lura allura ma setax.”
Bjorn Formosa, l-fundatur ta’ ALS Malta+, semma kemm hu kburi b’ dan is-servizz ġdid li qed jingħata fil-komunità, u saħaq dwar il-bżonn li l-ALS Malta+ tibqa’ tiġi mgħejjuna sabiex tkompli ttejjeb il-ħajja tan-nies bħal dak li ried Joe Debono.
“Inizjattiva ġdida oħra ta’ ALS Malta plus li għandna ferm għal qalbna, kuntenti li ħa nkomplu fuq din il-ħolma ta’ Joe. Huwa proġett li jagħti l-possibilità u l-aċċessibilità għal min għandu wheelchair li xorta jżur Malta u jżur il-wirt storiku li għandna ġewwa pajjiżna u aħna bħala ALS Malta plus ħa nkomplu naħdmu, niffinanzjaw u nissaportjaw dan il-proġett ta’ culture on wheels li kien tant għal qalb Joe Debono.”
Fl-aħħar Louisa Agius, tennet billi qalet li it-tim kollu ta’ Culture On Wheels iridu li l-ħolma li kellu Joe Debono issir realtà.
“Saqsejtni fuqi, jiena kont ħabiba kbira ta’ Joe u ħdimna ħafna flimkien, ħdimna erbgħin sena flimkien naf li din kienet ħolma tiegħu u jiena u l-membri tat-tim tiegħi l-oħra irridu li din il-ħolma ta Joe iseħħ.”
Għal aktar informazzjoni dwar dan il-proġett, wieħed jista’ jibgħat email fuq cultureonwheels@alsmalta.org.