Joseph Muscat ta’ 50 sena residenti l-Ħamrun tressaq il-Qorti akkużat li bejn il-lejl tal-1 u 2 ta’ Novembru ħebb għas-sieħba tiegħu u kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Jidher li l-imputat kien qiegħed jidħol id-dar fis-sakra u dakinhar sawwat u gidem lis-sieħba tiegħu.
Il-koppja kienu ilhom jgħixu flimkien għal sena.
Huwa wiegeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest madankollu l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Stacey Attard ma qablitx.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest madankollu l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ordnat lill-akkużat ma jagħmel l-ebda kuntatt mas-sieħba tiegħu . Kien dak il-ħin li huwa dlonk qabez jgħid li huwa għadu jħobb lis-sieħba tiegħu.
Il-Maġistrat reġgħet widbet lil akkużat sabiex jevità kuntatt mas-sieħba tiegħu u ordnatu wkoll jiffirma l-għassa darba fil-ġimgħa.