Sena ħabs u multa ta’ €4,000 għal immigrant irregolari li nstab ħati li attakka żewġ pulizija tal-immigrazzjoni u darab ħafif lil wieħed minnhom waqt li kien qed jiġi arrestat.
Il-każ imur lura għal 5 ta’ April tal-2016 meta l-uffiċjali kienu għaddejjin bi tfittxija għal raġel ġewwa t-Tiger Bar il-Marsa u waqqfu lil imputat li nzerta kien jixbah ħafna lill-persuna li l-pulizija kienu qegħdin ifittxu.
Fuq ir-raġel instabet sustanza li minkejja li llum il-ġurnata hija llegali dak iż-żmien ma kinitx. Waqt l-arrest l-imputat darab liż-żewġ pulizija fejn saħansitra anke gidem lil wieħed minnhom.
Fis-sentenza li ngħatat, il-qorti ħeġġet lill-Uffiċjal Principali tal-Immigrazzjoni biex immedjatament kif l-imputat jiskonta s-sentenza ta’ prigunerija jkun ripatrijat lejn art twelidu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud tenna li l-pulizija jridu jkunu protetti waqt li jkunu qed jagħmlu d-dmirijiet tagħhom u ħadd m’huwa skużat tkun xi tkun ir-raġuni, li jhedded lil xi uffiċjal tal-Pulizija jew li b’xi mod iweġġagħhom.
Ordni tal-pulizija għandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien. Hekk sostna l-Maġistrat Joe Mifsud.